Opinjoni

Opinjoni: Nikkumbattu l-miżinformazzjonidwar l-anzjani

Il-Prim Ministru Robert Abela qal dan l-aħħar li l-pensjonanti, apparti l-pensjoni, mhux ser iħallsu ċenteżmu taxxa fuq id-dħul tagħhom minn investimenti, kirjiet, imgħaxijiet jew xogħol li jkunu qed jagħmlu wara l-eta’ tal-pensjoni

Joe M. Zahra
President APAN

Din ta’ Robert Abela ma kienet xejn għajr miżinformazzjoni. Li komplew kixfu x-shadow ministers Adrian Delia, Graham Bencini u Paula Mifsud Bonnici fl-Isla nhar il-Ħadd li għadda. Fejn fl-istess okkażjoni l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg wiegħed li fl-ewwel budget tiegħu Gvern Nazzjonalista mmexxi minnu jneħħi t-taxxa kollha mid-dħul kollu tal-pensjonanti. Wiegħda li għaliha ta l-kelma tiegħu li hi kelma li tista’ torbot fuqha.
Din mhix l-ewwel miżinformazzjoni. Dawn ilhom joħorġu f’dawn l-aħħar 14-il sena mill-Partit Laburista dwar il-pensjonijiet u servizzi għall-anzjani. Mhux biss f’diversi każi l-ħażin li għamlu huma jippruvaw jagħtuh lill-gvernijiet Nazzjonalisti. Bħal meta jgħidu li l-gvernijiet Nazzjonalisti ffriżaw l-pensjonijiet. Friża fuq il-pensjonijiet għamilha l-Gvern Laburista bejn l-1982 u Mejju 1987.
Meta nbidel il-gvern, il-gvernijiet ta’ Eddie Fenech Adami u ta’ Lawrence Gonzi taw lill-anzjani żidiet kull sena. Anke żidiet iktar milli għoliet il-ħajja. Żidiet li saru obbligatorji wara l-ftehim storiku li ntlaħaq bejn il-Gvern, l-Unions u l-korpi kostitwiti meta twaqqfet il-COLA. Din qatgħet darba għal dejjem dak li kien iseħħ qabel meta wara kull baġit kienu jittieħdu azzjonijiet industrjali minħabba li xi union ma kenitx taqbel maż-żieda mħabbra.
Sa Jannar 2008 ż-żieda lill-anzjani kienet tkun ta’ żewġ terzi ta’ dik li toħroġ il-COLA. Mill-1 ta’ Jannar 2008 l-gvern ta’ Lawrence Gonzi ddeċieda li ż-żieda tkun waħda sħiħa ta’ kemm deċiż mill-COLA.

Darbtejn iżjed żieda mill-għoli tal-ħajja
Taħt gvernijiet Nazzjonalisti bejn l-1998 u l-2012 mhux talli l-anzjani ngħataw iż-żidiet kollha tal-COLA iżda ħafna iktar. Dan jirriżulta mill-fatt li f’dak il-perijodu kien hemm żidiet medja fil-pensjonijiet ta’ 184.3 fil-mija. Fl-istess perijodu l-ħajja għoliet b’86.2 fil-mija. Li jfisser li ż-żidiet li ngħataw kienu d-doppju ta’ kemm għoliet il-ħajja. Dan wassal biex l-anzjani setgħu jgħixu aħjar!
Biss gvernijiet Nazzjonalisti għamlu ferm iktar għall-pensjonanti. Miżura mill-iktar importanti kienet dik tal-2008 meta Gvern Nazzjonalista ddeċieda li min jibqa’ jaħdem wara li jieħu l-pensjoni ma jitlef xejn mill-pensjoni.
Din kienet miżura mill-iktar importanti għaliex tat serħan il-moħħ lil min ried jibqa’ jaħdem li ma kien ser jinqatagħlu xejn mill-pensjoni. Miżura oħra wasslet biex l-anzjani li jgħixu f’darhom u jkollhom iktar minn 80 sena jingħataw bonus ta’ €300 fis-sena. Bonus li fis-snin ta’ wara baqa’ jingħata lill-anzjani li jkunu għalqu l-75 u baqa’ jiżdied hekk kif baqgħet togħla l-ħajja!

L-anzjan mhux bil-flus biss jgħix
Taħt gvenijiet Nazzjonalisti l-anzjani ngħataw id-dinjità li tixiqilhom. Ir-Residenza San Vinċenz de Paul, li kienet tintuża mill-gvernijiet Laburisti biex jieħdu l-voti tal-anzjani li kien hemm fiha, mhux biss inbidlilha l-isem iżda bdiet issir f’vera residenza għall-anzjani b’servizzi li qabel ma kellhomx u b’mod differenti kif bdew iħarsu lejn l-anzjani. Eddie Fenech Adami fil-kabinett tiegħu waqqaf l-ewwel segretajat għall- anzjani. Dan beda immedjatament jaħdem biex ikun hemm djar għall-anzjani b’dak kollu li jeħtieġu. Bdew jiġu introdotti sensiela ta’ servizzi biex l-anzjani li jibqgħu fi djarhom jkunu mħarsa u moqdija aħjar. Min ra r-reklam tal-anzjana bil-qanpiena quddiemha u tingħata diversi servizzi, tajjeb ikun jaf li dawk is- servizzi kollha kienu introdotti kollha minn gvernijiet Nazzjonalisti! Flok “grazzi servizz pubbliku” l-anzjana messa qalet “Grazzi Gvernijiet Nazzjonalisti!”.Daħlu wkoll id-day centres u l-ewwel night shelters għall-anzjani. Twaqqfet l-Universitá tat-Tielet Età. Bdiet tingħata lill-anzjani kura speċjalizzata.
L-anzjani ma baqgħux iktar imwarrba u jfittxuhom biss għall-vot kull ħames snin iżda bdew jinstemgħu u jingħataw dejjem iktar servizzi fi djarhom u barra minn djarhom biex jgħixu aħjar.

Anzjani b’ħafna.problemi
Illum l-anzjani għandhom ħafna problemi. Problemi ta’ nuqqas ta’ sodod fid-djar tal-anzjani. Għaliex dan il-Gvern flok bena iżjed djar għall-anzjani għalaq tnejn milli kien hemm. Problemi ta’ nuqqas ta’ carers. Problemi mal-banek b’fergħat li mgħadhomx joffru servizz biex issarraf flusek bl-anzjani jkollhom imorru f’lokalitajiet oħra biex isarrfu. Problemi ta’ għoli tal-ħajja tant li llum terz mill-anzjani ta’ iktar minn 65 sena jinsabu fil-faqar jew fir-riskju tal-faqar iktar mid-doppju li kienu fl-2012. Problemi ta’ kura. Problemi ta’ solitudni u ħafna iktar.
Hi ħrafa li jiġi xi ras kbira tal-Gvern jgħid li lill-anzjani għamluhom sinjuri żgħar. Kieku kienu sinjuri żgħar ma kienx ikun hemm daqshekk eluf fil-faqar u fir-riskju tal-faqar. L-anzjani f’pajjiżna kellhom fost l-inqas żidiet fil-pensjonijiet fost il-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea. Dan l-aħħar ġie f’idejja rapport tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika dwar il-benefiċċji tas-Sigurtá Soċjali għas-sena kollha 2024.
Taħt Benefiċċji Kontributorju hemm sitt tipi ta’ pensjonijiet tal-irtirar. Qbadt in-numru ta’ pensjonanti. Kemm kien l-ammont li ntefqu f’pensjonijiet f’kull kategorija u minnhom ħriġt il-medja ta’ kemm dawn jaqbdu kull erba’ ġimgħat.
Pensjoni tal-irtirar – 4,147 pensjonant li bejniethom qabdu €25,557,000 – jew medja ta’ €474 kull erba’ ġimgħat.
Paga Minima Nazzjonali – 9,004 pensjonant li bejniethom tħallsu €64,109,000 – jew medja ta’ €547.7 kull erba’ ġimgħat.
Pensjoni tal-Irtirar miżjuda – 1,169 pensjonant li tħallsu bejniethom €11,040,000 – jew medja ta’ €726.5.
Pensjoni taż-żewġ terzi – 61,948 li tħallsu bejniethom €655,600,000 – jew medja ta’ €814.1.
Paga Minima Nazzjonali Miżjuda – 4,072 tħallsu €34,912,000 – jew medja ta’ €659.5.
Paga Minima Nazzjonali Mnaqqsa – 67 li tħallsu €417,000 – jew medja ta’ €478.8.
Jirriżulta li b’kollox hemm 80,407 li jieħdu pensjoni kontributorja tal-irtirar li bejniethom tħallsu €791,635,000 jew medja ta’ €757.3 kull erba’ ġimgħat. Minbarra dawn hemm 3,980 b’pensjoni mhux kontributorja li tħallsu bejniethom €23,037,000 jew medja ta’ €445.3 kull erba’ ġimgħat.
Tajjeb ma ninsewx li fil-budget tal-2015 Gvern Laburista mmexxi minn Joseph Muscat ta biss lill pensjonanti 58ċ fil-ġimgħa żieda. Din kienet l-inqas żieda fl-istorja taħt l-iskuża li dak kien li ħareġ mill-COLA! U minkejja ż-żidiet fil-pensjoni iktar mill-COLA xorta n-numru tal-anzjani fil-faqar u fir-riskju tal- faqar qed ikompli jiżdied. Għaliex il-kejl tal-għoli tal-ħajja ma jinkwadrax il-veru għoli tal-pensjonanti.

Dak li ma,wettaqx Robert Abela
mal-pensjonanti jwettqu Gvern Nazzjonalista
fl-ewwel budget

Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 22 ta’ Marzu, 2026.