Għawdex Lokali

Servizzi li jiġu offruti f’Malta mhumiex offruti f’Għawdex – Il-Kap tal-PN f’laqgħa ma’ Voice for Inclusion

Ritratt: Catriel Farrugia Sghendo

“Hemm bżonn li dawk is-servizzi li jiġu offruti lin-nies bi bżonnijiet speċjali f’Malta jiġu offruti wkoll f’Għawdex. Bis-saħħa ta’ dawn l-għaqdiet volontarji l-poplu Għawdxi qed jiġi offrut ċertu servizzi li suppost qed joffri l-Gvern.”

Dan kien il-messaġġ ewlieni li wassal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg waqt laqgħa li kellu s-Sibt waranofsinhar mal-NGO Voice for Inclusion fis-Sub Headquarters tal-Partit Nazzjonalista fis-Sannat Għawdex.

Ritratt: Catriel Farrugia Sghendo

Matul din il-laqgħa l-għaqda spjegat li huma jaħdmu b’mod volontarju bil-għan li jippromovu s-servizzi għall-persuni bi bżonnijiet speċjali f’Għawdex dan hekk kif preżentament ċertu servizzi li qed jiġu offruti f’Malta mhux qed jiġu offruti f’Għawdex.

Infatti l-għaqda spjegat li f’dan in-nuqqas ċertu servizzi qed toffrihom hi – servizzi li suppost jiġu offruti mill-Gvern ta’ Robert Abela.

Apparti minn hekk, huma tkellmu wkoll fuq il-bżonn li jkun hawn l-inċentivi sabiex aktar nies jidħlu jaħdmu f’dan il-qasam fosthom carers, speech therapists, occupational therapists u LSEs.

Ilmentaw ukoll fuq il-fatt li l-pixxina li ġiet inawgurata f’Għawdex matul is-sena li għaddiet mhijiex aċċessibbli għal persuni bi bżonnijiet speċjali.

Minn naħa tiegħu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg saħaq fuq l-importanza li dawn l-isfidi jiġu ndirizzati illum qabel għada għaliex kull individwu għandu l-valur tiegħu. Dan filwaqt li qal li NGOs bħal Voice for Inclusion għandhom jingħataw il-fondi meħtieġa mill-Gvern dan sabiex ikunu jistgħu jibqgħu joffru l-aqwa servizzi.

Intant, preżenti għal din il-laqgħa kien hemm il-kandidati Għawdxin f’isem il-Partit Nazzjonalista għall-Elezzjoni Ġenerali li jmiss.

Ritratt: Catriel Farrugia Sghendo