Jinqabad iħawwad fuq l-Isptar Ġdid tal-Kura Psikjatrika, it-Trakka f’Ħal Far u d-defiċit
Intervista li wriet ċar u tond kemm il-kelma tal-Mexxej Laburista Robert Abela mhux kredibbli.
Hekk ġiet deskritta l-intervista li kellu l-Ħadd filgħodu fuq is-Super One Abela fejn mhux biss ħawwad u prova jqarraq bin-numri, iżda nqabad li l-wegħdiet li jagħmel f’kampanja elettorali…m’humiex kredibbli partikolarmanet f’dak li għandu x’jaqsam is-settur sensittiv tas-saħħa mentali u t-trakka f’Ħal Far, li l-Labour ilu jiżufjetta lid-dilettanti tat-tlielaq biha, għal dawn l-aħħar 13-il sena.
Robert Abela ħawwad iċ-ċifri u numri tal-ekonomija tal-pajjiż meta qal li d-defiċit l-amministrazzjoni tiegħu qed tnaqqasha, meta iswed fuq l-abjad jidher li mhux minnu.
Dan għaliex mhux talli naqas, talli kważi rdoppja għaliex il-Fond Konsolidat tal-Gvern fl-2024 kien irreġistra aktar minn €432 miljun f’defiċit…filwaqt li fl-2025, ċifri tal-NSO ikkonfermaw li l-istess Gvern irreġistra aktar minn €823 miljun.
Filwaqt li tkellem fuq il-Viżjoni 2050, liema tnedija tad-dokument għadna sal-lum ma nafux kemm il-miljuni ta’ ewro preċiżament ġie jiswa but il-poplu, ironikament ma tkellimx fuq iż-żieda qawwija fil-popolazzjoni u agħar minn hekk fuq it-tnaqqis fil-popolazzjoni nattiva Maltija li skont il-Bank Ċentrali ta’ Malta din se tkun qed tonqos b’14% sal-2050.
Minflok, Robert Abela għażel li jitkellem fuq it-twettieq tal-Manifest Elettorali Malta Flimkien tal-Elezzjoni Ġenerali 2022.
Il-Mexxej Laburista sostna li jemmen ħafna fis-settur tas-Saħħa Mentali f’pajjiżna madanakollu ċertament li ma żammx mal-wegħda li kellu jinfetaħ sptar ġdid għall-kura psikjatrika f’din il-leġiżlatura…viċin l-Isptar Mater Dei.
Minflok dan l-Isptar Ġdid għal Kura Psikjatrika Akuta .. li suppost kellu jinbena fis-Swatar u saħansitra kien se jkollu mina li jgħaqdu mal-Isptar Mater Dei se jkun ġewwa Mater Dei stess – u s’intendi, għadu ma nfetaħ assolutament xejn għaliex fi kliem Abela nnifsu, ix-xogħol għadu se jibda.
Jista’ jonqos li hekk kif qed toqrob sew Elezzjoni Ġenerali tissemma t-trakka tal-motorsport bil-Mexxej tal-Labour jigdeb ċar u tond lid-dilettanti tal-karozzi.
Dan għaliex fl-2022, kien mhux talli qal li żamm il-kelma tiegħu ma dawn id-dilettanti…talli saħansitra kien insista li f’din il-leġiżlatura, dan iċ-Ċentru Nazzjonali kellu jinbena u jitlesta.
Madanakollu sfortunatament lanqas mat-timeline li wiegħed hu stess ma żamm – bil-wegħda għada s’issa fattwalment fl-ajru.
Finalment Robert Abela tkellem dwar il-kariga ta’ Awditur Ġenerali u Deputat Awditur Ġenerali hekk kif it-terminu ta’ Charles Deguara u Noel Camilleri jintemm proprju t-Tnejn, 30 ta’ Marzu – b’Abela jgħid li jrid jevita kriżi għaliex fi kliemu, ċertament jieħdu ġimgħat jew xhur biex joħroġ isem ġdid.
Madanakollu fil-jiem li għaddew, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg stess kien żvela fil-Parlament li sa din il-ġimgħa stess Robert Abela kien għadu lanqas biss talab biex jiltaqa’ miegħu sabiex jiddiskutu għas-suċċessuri ta’ Deguara u Camilleri.
Għaldaqstant in-narrattiva ta’ Robert Abela mhux waħda kredibbli, aktar u aktar il-wegħdiet li jagħmel tul kampanja elettorali.
//= $special ?>

