Lokali

BirdLife Malta takkuża lill-għaqda Kaċċaturi San Ubertu b’ingann

L-istqarrija ta’ Kaċċaturi San Ubertu (KSU) terġa’ turi l-livell baxx ta’ argument li ġej mill-iżgħar grupp fil-lobby tal-kaċċaturi.

Hemm nuqqas bażiku ta’ għarfien dwar id-differenza bejn ir-rotta tal-passa Ċentrali-Lvant, li Malta tifforma parti minnha, u r-rotta tal-passa tal-Punent.

Fir-reazzjoni tagħhom għar-rapport ta’ BirdLife Malta li juri li l-popolazzjoni tal-Gamiema għadha tonqos fir-rotta tal-passa Ċentrali-Lvant, KSU tipprova tagħti l-impressjoni li hemm kontradizzjoni ma’ BirdLife International. Dan huwa qarrieqi. Iż-żieda żgħira rrappurtata s-sena li għaddiet tirreferi biss għar-rotta tal-passa tal-Punent.

Dan l-irkupru ma ġiex b’kumbinazzjoni imma ġie wara moratorju sħiħ ta’ erba’ snin fuq il-kaċċa f’pajjiżi bħal Spanja, il-Portugall u Franza. Dan juri b’mod ċar kemm il-kaċċa fil-ħarifa taffettwa b’mod negattiv lill-popolazzjoni tal-Gamiema.

Huwa għalhekk evidenti li l-kaċċa fir-rebbiegħa tagħmel ħafna aktar ħsara. Nissuġġerixxu li qabel ma tagħmel reazzjonijiet mgħaġġlin fuq suġġetti li ma tifhimx fihom, KSU tiffoka fuq dak li verament hemm bżonn – l-illegalitajiet li għadhom iseħħu fost il-membri tagħha. Rapporti riċenti, jitkellmu waħedhom.

Dawn jinkludu:

  • il-qtil brutali ta’ Spanjulett f’Għawdex minn membru tal-komunità talkaċċa u l-insib,
  • Spanjulett ieħor li spiċċa għama u nstab ferut fl-Imqabba fl-20 ta’ Marzu
    2026,
  • u Russett Griż b’munqaru mtajjar kompletament, qrib Delimara in-naħa
    t’isfel, fis-27 ta’ Marzu 2026.
    Il-kaċċa fir-rebbiegħa għandha data ta’ skadenza. Dik id-data hija issa.