Lokali

EDITORJAL: “Li twieġeb domanda parlamentari mhux pjaċir imma obbligu”

L-editur ta’ The Malta Independent iċanfar lill-Ministri li mhux iwieġbu l-mistoqsijiet parlamentari

Li Deputat iwieġeb mistoqsija parlamentari mhux qed jagħmel pjaċir lil xi ħadd, imma huwa obbligu u dover – m’hemmx għażla.

Sostna dan l-editur tal-gazzetta The Malta Independent fejn insista li domanda parlamentari trid tkun imwieġba, skomda kemm hi skomda…mhux tiġi njorata għax ma taqbilx għal widnejn il-Ministru.

L-editur insista li l-mistoqsija parlamentari hija waħda mill-aktar għodod importanti fl-istruttura parlamentari sabiex proprju r-rappreżentanti tal-poplu jkunu jistgħu jwettqu skrutinju fuq il-Membri tal-Kabinett, ċioè l-Ministri u Segretarji Parlamentari.

Fl-editorjal intqal li meta l-Ministri jirrifjutaw li jirrispondu, itawlu biex iwieġbu, jew jinħbew wara wegħdiet vagi mhux biss ikunu qed jiffrustraw il-Membri tal-Oppożizzjoni li jkunu qed jagħmlu xogħlhom….imma jkunu qed jimminaw lill-Parlament innifsu.

L-editur saħaq li l-Ispeaker tal-Kamra Anġlu Farrugia għandu raġun jinsisti li jeħtieġ mekkaniżmu sabiex jiġi żgurat li l-mistoqsijiet parlamentari jkunu mwieġba f’perjodu massimu raġonevoli.

Eve Borg Bonello staqsiet 86 domanda – l-ebda minnhom ma ġiet imwieġba, inkluż mill-Prim Ministru

Dan wara li x-Shadow Minister Eve Borg Bonello  saħqet li ma rċeviet l-ebda tweġiba għal 86 domanda li staqsiet wara aktar minn kważi xahar u nofs. Hija saħqet li hemm bżonn li jsir xi ħaġa wara li domandi li għamlet lill-Prim Ministru u 11-il Ministru ieħor baqgħu mhux imwieġba.

L-editur insista li d-domandi li staqsiet Borg Bonello ma kienx sempliċi gossip imma mistoqsijiet leġittimi dwar kif qed jintużaw il-fondi pubbliċi…madanakollu baqgħu ma ġewx imwieġba….bl-editur jinsisti li l-Gvern imissu jistħi.

Filwaqt li l-editur apprezza l-fatt li biex titwieġeb domanda jeħtieġ riċerka, huwa insista li din m’għandix tintuża bħala arma biex mistoqsijiet fuq fondi pubbliċi, trasparenza, kuntratti, falliment ta’ policies, u sparpaljar ta’ flus il-poplu…ma jiġux imwieġba.

Fl-editorjal intqal li Ministru li ma jirrispondix domanda parlamentari qiegħed jiprova jevita l-iskrutinju….u dan, skont l-editur, huwa skandlu kbir.

L-editur semma kif l-Ispeaker Anġlu Farrugia għaraf kif m’hemmx mekkaniżmu biex dawn iwieġbu d-domandi, jista’ jfakkarhom…iżda jekk l-Eżekuttiv jiddeċiedi li xorta waħda jibqa’ jinjora lilu u d-domandi….ma jista’ jagħmel xejn.

Fl-editorjal intqal kif din m’għandha qatt tkun tollerabbli f’demokrazija..iżda spjega li l-Amministrazzjoni fil-Gvern tippreferi tissalvagwardja lill-Ministri milli l-Parlament.

Finalment l-editur sostna li demokrazija matura m’għandhiex tistrieħ fuq il-konvenjenza tal-Ministru – iżda jeħtieġ mekkaniżmu ċar u tond sabiex id-domandi parlamentari jiġu imwieġba…kif inhu obbligu.

L-editur temm jgħid li la darba l-membri tal-Gvern jirrifjutaw li jwieġbu qed iwasslu messaġġ li għalihom it-trasparenza tiġi biss meta ma tweġġgħahomx…u l-kontabbiltà meta hija waħda volontarja.