Fl-intervista li kellu llum fuq is-Super One, Robert Abela reġa’ ftakar f’wegħdiet li ilhom fuq l-ixkaffa mill-2017.
Illum Abela reġa’ tkellem dwar il-wegħda ta’ sptar ġdid għas-saħħa mentali – wegħda li tfaċċat għall-ewwel darba fil-manifest elettorali tal-Partit Laburista fl-2017 u reġgħet sabet ruħha fil-manifest elettorali tal-2022. Imma li sal-lum għadha fejn kienet – fuq l-ixkaffa.
Fl-intervista tal-lum, u wara li Abela stess qal li qed jinħadem manifest ieħor tal-Partit Laburista, il-Prim Ministru reġa’ qal li għadha għaddejja l-ħidma biex fl-aħħar joħroġ it-tender għal dan l-isptar. Disa’ snin wara li feġġet għall-ewwel darba din il-wegħda elettorali tal-Partit Laburista!
Robert Abela qed jinqeda bil-persuni bi problemi ta’ saħħa mentali biex jirbaħ il-vot – bħalma qed jinqeda bil-pazjenti li jkollhom bżonn is-servizz tal-Emerġenza.
Fl-intervista tal-lum, Abela reġa’ ftakar ukoll li kien wiegħed Dipartiment ġdid tal-Emerġenza. Minn mindu saret din il-wegħda, eluf ta’ persuni qattgħu sigħat twal jistennew minħabba li din il-wegħda baqgħet qatt ma rat id-dawl.
Illum, għax jidher li l-elezzjoni tinsab wara l-bieb, Robert Abela reġa’ ftakar f’din il-wegħda u qalilna li dalwaqt se jkollna Dipartiment ġdid tal-Emerġenza. U fuq is-Super One, issa semma wkoll il-wegħda ta’ 300 sodda ġdida għall-anzjani f’San Vinċenz de Paul.
Għal Robert Abela, il-pazjent huwa biss pedina biex jirbaħ il-vot. Abela jirxoxta l-wegħdi li jkun għamel kull darba li tkun fil-viċin xi elezzjoni – wegħdi li kif qallu l-Ministru tal-Finanzi tiegħu stess, mhuma xejn ħlief wegħdi tas-“Silly Season”.
Il-Maltin u l-Għawdxin, speċjalment il-morda u l-anzjani, u dawk li jbatu minn kundizzjonijiet tas-saħħa mentali, jixirqilhom aħjar.
//= $special ?>

