Lokali

Il-Kap tal-PN iżur il-wirjiet marbuta mal-Ġimgħa l-Kbira f’Għawdex

Ritratt ta' Catriel Farrugia Sghendo

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Alex Borg, żar diversi wirjiet organizzati f’Għajnsielem u fix-Xagħra marbuta mal-Ġimgħa l-Kbira – fejn iltaqa’ ma’ numru ta’ voluntiera u organizzaturi li b’dedikazzjoni kbira qed iżommu ħajja l-kultura u t-tradizzjonijiet lokali.

F’Għajnsielem, Alex Borg żar wirjiet li juru xogħol artistiku u kulturali varjat, fejn seta’ japprezza mill-qrib it-talent lokali u l-impenn ta’ dawk involuti. Huwa tkellem ma’ diversi persuni li jikkontribwixxu għal dawn l-inizjattivi u rringrazzjahom tal-ħidma tagħhom.



Aktar tard fix-Xagħra, l-Kap tal-Partit Nazzjonalista ukoll żar wirjiet oħra li jattiraw numru sostanzjali ta’ viżitaturi, kemm Maltin kif ukoll turisti. Hawnhekk, huwa enfasizza l-importanza li dawn l-attivitajiet ikomplu jingħataw is-sostenn meħtieġ, peress li mhux biss isaħħu l-identità kulturali tagħna, iżda wkoll jikkontribwixxu għall-ekonomija lokali.

Alex Borg, faħħar il-volontarjat u l-ħidma li ssir minn diversi għaqdiet u individwi, u tenna li dawn huma pilastru importanti fil-komunitajiet tagħna, speċjalment f’Għawdex.

Huwa temm billi rringrazzja lil kull min jagħti sehem tiegħu biex dawn l-avvenimenti jkunu possibbli, filwaqt li esprima l-appoġġ tiegħu lejn inizjattivi li jkomplu jsaħħu l-ħajja soċjali u kulturali f’Għawdex.