Hekk kif il-Ħadd, il-Knisja Kattolika tat bidu għall-Ġimgħa Mqaddsa, bosta parroċċi f’Malta u Għawdex organizzaw il-purċissjoni f’Ħadd il-Palm….fejn waħda minnhom issir mit-tfal għat-tfal fil-paroċċa ta’ San Ġorġ f’Ħal Qormi.

Il-Ħadd filgħodu, Net News kien preżenti f’Ħal Qormi, fejn tkellimna ma’ diversi parteċipanti u organizzaturi, inkluż tfal li ħadu sehem f’din il-purċissjoni, b”uħud minnhom jesprimu l-ferħ u l-passjoni tagħhom li pparteċipaw.

F’din il-purċissjoni wieħed seta’ jara bosta tfal li ħadu sehem liebsin ħwejjeġ tradizzjonali b’rabta mal-Ġimgħa Mqaddsa, kif ukoll jerfgħu s-sett tal-vari.
Il-purċissjoni bdiet mill-Knisja Kolleġġjata ta’ San Ġorġ f’Ħal Qormi u għaddiet mit-toroq ta’ Ħal Qormi sakemm tasal lura fil-Knisja.
Intant, lokalitajiet oħra f’Malta fosthom f’Ħal Għargħur u f’Ħal Għaxaq ukoll jagħmlu purċissjonijiet b’rabta mal-Ġimgħa Mqaddsa.



