Internazzjonali

L-Iran iħejji għall-offensiva tal-Amerikani mill-art…fost il-wasla ta’ eluf ta’ truppi u morini fir-reġjun tal-Golf

Żdiedu l-indikazzjonijiet li l-Istati Uniti qed tħejji offensiva mill-art fuq l-Iran wara assedju ta’ xahar mill-ajru fuq l-Istat Iżlamiku.

Il-media fl-Istati Uniti, intant, mhix teskludi li l-invażjoni tal-Iran mill-art hija ‘il-fażi loġika li jmiss’ wara l-aħħar ġimgħat fejn il-qawwiet Amerikani u Iżraeljani fetħu burraxka wara l-oħra ta’ missili fuq iċ-ċentri u faċilitajiet militari u ċivili tal-Iranjani.

Fi tmiem il-ġimgħa, madwar 3,500 militar Amerikan – suldati u morini – waslu fir-reġjun tal-Golf permezz tal-bastiment tal-gwerra USS Tripoli.

Intant, u waqt li l-Washington Post sostna li l-Penatagon qed iħejji għal ‘ġimgħat ta’ azzjonijiet mill-art’ kontra r-reġim Iranjan, għadu mhux ċar jekk il-President Amerikan Donald Trump hux se jagħti dalwaqt il-konferma finali għal din il-fażi ġdida u allarmanti tal-konflitt.

Fl-aħħar sigħat ukoll, l-Istati Uniti bagħtet aktar ajruplani tal-gwerra lejn ir-reġjun tal-Golf  u, fi żvilupp konfliġġenti, is-Segretarju tal-Istat Amerikan, Marco Rubio, qal li l-Istati Uniti xorta kapaċi tilħaq it-tragwardi militari fl-Iran mingħajr il-ħtieġa li tirrikorri għat-truppi u l-morini.

U minkejja li l-Gwerra tal-Iran, issa, ilha aktar minn xahar, Rubio qed ikompli jinsisti li ‘dan mhux se jkun konflitt fit-tul’.

Marco Rubio, fl-istess ħin, ammetta li l-Iran ma weġibx għall-pjan ta’ 15-il punt li l-Istati Uniti ressqitlu bħala kundizzjoni biex tieqaf il-gwerra. Hu lanqas ma bassar meta għandha tasal it-tweġiba mill-Iran filwaqt li saħaq li l-kampanja militari kontra l-pajjiż Iżlamiku għandha tkompli għal perjodu indeterminat.

L-Iranjani ‘lesti biex jilqgħu lill-għadu’

L-Iran, sadanittant, wassal il-messaġġ li jinsab lest u preparat għal kwalunkwe offensiva tal-Amerikani mill-art, b’xi sorsi f’Teheran qed jemmnu li din il-fażi ġdida tal-gwerra hi ‘inevitabbli’.

Is-Speaker tal-Parlament Iranjan, Mohammad Bagher Ghalibaf, qal li pajjiżu mhux se jkun intimidat quddiem il-qawwa tal-militar Amerikan u sostna li ‘il-militar Iranjan qed jistenna sakemm l-ewwel suldati tal-Istati Uniti jirfsu l-art ta’ pajjiżhom biex jiftħu n-nar għal fuqhom’.

Ghalibaf, fl-istess messaġġ, ikkundanna lill-Istati Uniti dwar l-istrateġija tagħha fejn, fi kliemu, l-Amerikani, fuq naħa, qegħdin jgħidu li huma lesti għan-negozjati waqt li, fl-istess ħin, qegħdin jippjanaw biex jinvadu lill-Iran ‘mill-art’

Hu tenna li, sallum, fallew it-tattiċi tal-gwerra tal-Amerikani u li l-Iran għad għandu l-kapaċitajiet biex ikompli jirreżisti lill-Istati Uniti kif ukoll lill-alleati Iżraeljani. B’hekk, l-Iranjani komplew iwasslu messaġġ ċar li ‘mhumiex se jċedu u wisq anqas jippermettu li jispiċċaw umiljati taħt idejn l-għadu’.

Fl-aħħar sigħat, l-Iran anki kompla jispara l-missili u drones lejn il-faċilitajiet u l-infrastruttura tal-Istati ġirien tal-Golf, bil-kelliema fl-Arabja Sawdija jikkonfermaw ħsarat kbar fil-faċilità ewlenija tal- Emirates Global Aluminium.

U fl-aħħar żviluppi, l-entità tal-Unjoni Ewropea li tħares is-sigurtà marittima ħarġet twissija biex il-bastimenti jevitaw l-ibħra territorjali tal-Jemen minħabba li jistgħu jisfaw attakkati mill-milizji Houthi, li huma alleati kbar tal-Iran. Dan ukoll wara li l-Houthi, fi tmiem il-ġimgħa, sparaw numru ta’ missili lejn Iżrael.