Il-Gwerra tal-Iran, l-infurzar tal-politika federali fil-konfront tal-immigranti u l-isplużjoni fl-għoli tal-ħajja kienu t-temiet prinċipali tal-aħħar protesti kbar kontra l-Gvern tal-Istati Uniti mmexxi mill-President DonaldTrump.
Fi tmiem il-ġimgħa, fil-fatt, saru dimostrazzjonijiet tal-massa rekord kontra t-Tmexxija f’Washington…Tnexxija meqjusa bħala inaċċettabli u perikoluża mill-miljuni tal-parteċipanti f’dawn ir-rallies.
Din, fil-fatt, kienet it-tielet sensiela ta’ protesti kbar pubbliċi, bit-tema ‘No Kings’, mindu Trump ħa l-poter uffiċjalment għat-tieni darba, f’Jannar tal-2025….Dimostrazzjonijiet li dejjem attiraw il-miljuni tal-Amerikani urtati għall-bidliet allarmanti li qegħdin jaraw kuljum f’pajjiżhom.
L-aħħar dimostrazzjonijiet saru fl-ibliet Amerikani ewlenin ta’ New York, Washington, Los Angeles, Boston, Nashville, Houston u, partikularment, St Paul, f’Minneapolis.
Id-dimostranti li kellmu lill-istampa qalu li l-veru poter huwa tal-poplu anki jekk Donald Trump irid imexxi pajjiżu bħala tiran u bl-iskop li jaġevola biss lil sħabu l-biljunarji.
Sadanittant, il-kelliema għall-White House qalu li l-protesti kienu espressjoni ta’ mibgħeda mhix ġustifikata fil-konfront tal-President Amerikan u li minnhom tgawdi biss il-media li dejjem qed tfittex biex tirrapporta l-affarijiet sensazzjonali.
L-aktar dimostrazzjonijiet imqanqlin saru fl-Istat ta’ Minnesota, fejn, ġimgħat ilu, żewġ ċittadini Amerikani – Renee Nicole Good u Alex Pretti – sfaw maqtula taħt idejn l-aġenti tal-ICE għall-kontroll tal-immigrazzjoni….Żewġ omiċidju li qajjmu gelgul ta’ sentimenti kontra l-Gvern ta’ Trump li n-nies qegħdin jakkużawh dwar politika qerrieda u indiskriminattiva kontra l-Amerikani infushom.
L-akbar dimostrazzjonijiet saru quddiem il-bini ewlieni tal-Istat f’St Paul u fejn il-Gvernatur ta’ Minnesota, Tim Walz, introduċa lir-Rocker veteran Bruce Springsteen, magħruf għall-kritika tiegħu lil Donald Trump, u li interpreta l-kanzunetta ġdida tiegħu ‘Streets of Minneapolis’….Kanzunetta dedikata lil Renee Good u Alex Pretti u li, għall-miljuni tal-Amerikani, saret l-innu ta’ protesta prinċipali kontra l-aġenti tal-ICE u l-liġijiet għat-tkeċċija tal-familji li għandhom kull dritt li jgħixu ħajjithom fl-Istati Uniti.
//= $special ?>

