Knisja Kultura Lokali

Bejn fidi u tradizzjoni: Tibda l-Ġimgħa Mqaddsa b’diversi purċissjonijiet

Ritratt: Martin Agius

Matul il-jum tal-Ħadd, il-Knisja Kattolika tat bidu għall-Ġimgħa Mqaddsa – ġimgħa illi twassal għall-akbar festa fil-kalendarju litirġiku tal-Knisja; dik tal-Għid il-Kbir.

F’dawn iż-żminijiet, jispikka mhux biss is-sens ta’ devozzjoni, iżda anke t-tradizzjonijiet antiki marbutin mal-Ġimgħa Mqaddsa – fosthom il-purċissjonijiet.

Il-Ħadd filgħaxija f’Ħal Għaxaq u fil-Għargħur kienu organizzati l-purċissjonijiet tal-Ġimgħa l-Kbira; propju f’jum ta’ Ħadd il-Palm. Xi ħaġa li issa ilha ssir għal diversi snin.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg flimkien ma’ Sarah kienu preżenti man-nies f’Ħal Għaxaq isegwu lill-parteċipanti li ħadu sehem f’din il-purċissjoni – mill-bandisti sar-reffiegħa, u dawk kollha li libsu l-kostumi tal-personaġġi li huma assoċjati mal-ġrajja tal-passjoni.

Hawn, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista kellu l-opportunità jiltaqa’ u jitkellem mal-familji li kienu preżenti għal din l-okkażjoni. Filwaqt li feraħ lill-volontieri li huma attivi ferm fil-parroċċa, u fiż-żewġ soċjetajiet mużikali li hemm f’dan ir-raħal – li għandu sett vari mill-isbaħ, u li kienu inbidlu fis-snin riċenti.

Aktar kmieni matul il-jum tal-Ħadd, il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Perici Calascione żar il-lokalità tal-Għargħur, fejn kellu l-opportunità jsegwi l-purċissjoni ta’ Ħadd il-Palm li saret f’din il-lokalità, kif ukoll jiltaqa’ ma’ diversi familji u volontieri li ħadu sehem.

Dawk preżenti kellhom l-opportunità jsegwu l-vari li ħarġu minn din il-parroċċa, fl-isfond tad-daqq tal-marċi funebri li huma sinonimi ma’ dan iż-żmien tas-sena.