Fi stqarrija ffirmata mix-Shadow Minister Albert Buttigieg, il-Partit Nazzjonalista spjega li jirrikonoxxi li l-introduzzjoni taċ-Childcare Centres kienet u hija deċizjoni tajba għas-soċjetà u l-ekonomija Maltija fejn numru ta’ ġenituri, b’mod partikolari nisa, daħlu fid-dinja tax-xogħol.
Fl-istess waqt, iżda, il-PN ma jistax ma jinnutax u ma jesprimix it-tħassib tiegħu fid-dawl mhux biss ta’ rapport li ħareġ riċentement id-Direttorat għall-Kwalità u l-Istandards fl-Edukazzjoni imma wkoll dwar numru ta’ kummenti li saru fil-media fuq dawn iċ-ċentri.
Kien hemm kummenti anke minn esperti li saħanistra wissew li s-sistema taċ-childcare f’Malta hija mfassla b’mod li żżid il-parteċipazzjoni tal-ġenituri fis-suq tax-xogħol, u mhux biex tqis l-ewwel u qabel kollox l-interessi tat-tfal u l-iżvilupp tagħhom.
Skont ir-rapport tal-Gvern stess, f’70% tal-ispezzjonijiet li saru fl-2023, instab li kien hemm diversi irregolaritajiet, b’mod partikolari f’dak li għandu x’jaqsam ma’ kemm għandu jkun hemm carers assenjati għal kull tiflel jew tifla li jattendu dawn iċ-ċentri.
Irregolaritajiet oħra li jsemmi r-rapport jinkludu tfal li jinżammu bilqiegħda għal ħinijiet twal, carers li jkollhom biss livelli bażiċi ta’ edukazzjoni u turnover qawwi tal-istaff f’dawn iċ-ċentri.
Il-Partit Nazzjonalista jappella biex jittieħdu l-passi neċessarji biex ikun żgurat li waqt li l-ġenituri jmorru jaħdmu ta’ kuljum, fl-istess waqt ikollhom serħan il-moħħ li wliedhom jinsabu mhux biss f’post sigur u addattat imma wkoll f’idejn ħaddiema preparati u li t-tfal jingħataw l-attenzjoni meħtiega. Dan jgħodd b’mod speċjali fil-każ ta’ tfal żgħar li jistgħu jintbagħtu f’dawn iċ-ċentri, bħalma huma trabi ta’ tliet xhur (12-il ġimgħa).
F’dan il-kuntest, il-PN qed jitlob li mhux biss li jkun hemm infurzar tal-policies attwali imma anke li jitjiebu l-istandards li jipprovdu livell ta’ kwalità ogħla f’dawn iċ-ċentri, kemm f’dak li għandu x’jaqsam mal-infrastruttura fiżika – b’aktar spazji miftuħa u akbar f’dawn iċ-ċentri, imma anke mill-aspett tal-kwalità fis-servizz u t-taħriġ tal-ħaddiema.
Dawn huma l-proposti li diġà ressaq kemm-il darba l-Partit Nazzjonalista għal dan il-qasam:
· Aktar għajnuna finanzjarja biex ikun hemm investiment aħjar fl-infrastruttura ta’ dawn iċ-ċentri u allura jkun hemm standards aktar għolja fejn jidħlu l-bini u l-istrutturi taċ-ċentri, b’mod partikolari għal applikazzjonijiet ġodda;
· Filwaqt li jingħataw inċentivi biex il-ħaddiema attwali jkomplu l-istudju ħalli jkollhom kwalifiki aħjar, il-kors li jwassal biex wieħed jaħdem f’dawn iċ-ċentri jkun jinkludi aktar taħriġ;
· Preżentement, numru minn dawn iċ-ċentri ma jilqgħux fihom tfal li għandhom l-esperjenza ta’ newrodiversità. Għaldaqsant, għandhom jingħataw għajnuna finanzjarja u taħriġ addizzjonali biex dawn iċ-ċentri jilqgħu wkoll dawn it-tfal;
· Fil-każ ta’ dawk il-ġenituri li minflok jibagħtu lil uliedhom ta’ tliet xhur f’dawn iċ-ċentri jagħżlu li jibqgħu ma’ wliedhom, il-gvern għandu jgħaddi l-ammont tal-ħlas lilhom minflok. Il-PN diġa’ ħareġ bil-proposta li jkun hemm ħlas għal sena sħiħa lil dawk li jagħżlu li jibqgħu ma’ wliedhom minflok jibagħtuhom f’Childcare Centre;
· Il-PN jagħti wkoll inċentivi finanzjarji biex kumpanji jkunu jistgħu jħaddmu numru ta’ impjegati ħalli jkollhom dawn iċ-ċentri fuq il-post tax-xogħol stess, jew inkella biex diversi kumpaniji żgħar ikunu jistgħu jingħaqdu flimkien biex jiftħu dawn ċentri simili.
Il-Partit Nazzjonalista huwa impenjat li jsaħħaħ iċ-Childcare Centres, għax jagħraf li dan kollu huwa investiment fl-ulied tal-Maltin u l-Għawdxin li jfisser investiment fil-futur ta’ pajjiżna


