Lokali Sport

“Id-deċiżjoni li l-awtorità tal-użu tal-kannabis tisponsorja n-nurseries tal-futbol turi kemm verament messejna l-qiegħ”

FACEBOOK
Min ħa din id-deċiżjoni ma għandux idea ta’ sport, u qed jibgħat l-agħar messaġġ lit-tfal tagħna – l-użu tas-sustanzi qatt ma jista’ jkun viċin tal-isport, aħseb u ara kemm għandu jintrabat mal-postijiet fejn qed jitrawmu t-tfal

Id-deċiżjoni tal-Gvern li juża l-awtorità tal-użu tal-kannabis biex jisponsorja n-nurseries tal-futbol turi verament li messejna l-qiegħ.

Pajjiżna ma jistax jibqa’ sejjer hekk.

Li l-Gvern, fil-fernezija li għandu għall-propaganda, iħabbar bla mistħija ta’ xejn li l-Awtorità għall-Użu Responsabbli tal-Kannabis, l-ARUC, daħlet fi sħab mal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Futbol, l-MFA, biex tniedi skema għat-tfal huwa xhieda ta’ kemm illum kollox sar xejn mhu xejn.

L-użu tal-kannabis u sustanzi oħra, u l-awtorità sinonima mal-legalizzazzjoni tal-ħaxixa, qatt ma jistgħu b’xi mod ikunu viċini tal-isport. Aħseb u aktar kemm għandhom jintrabtu man-nurseries tal-futbol li fihom qegħdin jitrawmu t-tfal.

F’messaġġ li wassal fuq il-media soċjali, il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg ikkundanna din id-deċiżjoni skandaluża u staqsa kif qatt tista’ tasal għal deċiżjoni bħal din.

“Però, għall-Gvern, x’jimporta? L-aqwa li jagħmel propaganda bla limitu mingħajr ma jifhem x’inhuma l-konsegwenzi,” qal il-Kap tal-PN.

Alex Borg kompla jgħid li l-isport huwa żvog. Huwa post fejn uliedna jitilgħu f’ambjent b’saħħtu u mhux jiġu esposti għal sustanzi – legali u mhumiex. Spiss l-isport jintuża bħala riabilitazzjoni mill-użu ta’ sustanzi u propju għalhekk, iktar u iktar, dawn posthom mhuwiex fl-isport b’mod dirett jew indirett.

Filwaqt li għat-tnedija ta’ din l-iskema marret tippoża għar-ritratti s-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg, wieħed jistaqsi x’inhi l-pożizzjoni tal-Kummissarju għat-Tfal u jekk din hux se tieħu azzjoni.

Filwaqt li l-Partit Nazzjonalista jaqbel li l-isport u n-nurseries għandhom jiġu sostnuti, u l-Kap tal-PN wiegħed li dan is-sostenn se jibqa’ jingħata, żgur li dan ma għandux jingħata mill-awtorità għall-użu tal-kannabis, qal Alex Borg, waqt li tenna l-ħtieġa li tintrefa’ r-responsabbiltà f’dan il-każ.

Min ħa din id-deċiżjoni ma għandux idea ta’ sport u fuq kollox qed jibgħat l-agħar messaġġ lit-tfal tagħna, li huma n-nisa u l-irġiel ta’ għada.

Ma jistax ikun li nibqgħu sejrin hekk – qisu xejn mhu xejn. Pajjiżna għandu bżonn direzzjoni ġdida. Fejn min ikun qed imexxi, jaħseb qabel jieħu d-deċiżjonijiet u jkun jaf x’inhu jagħmel