Il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, qed jhedded mill-ġdid li jeqred totalment lill-faċilitajiet tal-enerġija u z-zoni li jipproduċu ż-żejt fl-Iran jekk kemm-il darba r-reġim Iżlamiku f’Teheran ma jaqbilx malajr mal-kundizzjonijiet imressqa minn Washington għall-waqfien tal-konflitt fil-Golf…Konflitt li issa daħal fit-tieni xahar u meta ftit hemm sinjali ta’ pawża potenzjali.
Trump, b’dan it-theddid, qed jidher ukoll frustrat bil-fatt li l-Iranjani għadhom qed jirreżistu għall-attakki konġunti mill-qawwiet tal-Istati Uniti u Iżrael.Dan minbarra li l-Iranjani qed jisparaw kontinwament il-missili u d-drones lejn il-interessi tal-Amerikani u l-faċilitajiet kruċjali fl-Istati oħrajn tal-Golf li qed jipprovdu s-siti għall-bażijiet militari tal-Istati Uniti.
Sadanittant, u kuntrarju għal dak li qed jgħid l-Iran, Trump sostna li l-Istati Uniti tinsab għaddejja b’diskussjonijiet serji mar-reġim ġdid f’Teheran….Diskussjonijiet li l-President Amerikan qal li jistgħu jwasslu għat-tmiem tal-kumbattimenti fir-reġjun tal-Golf.
Trump, issa, qed jitkellem dwar ‘reġim Iranjan li jirraġuna aktar minn ta’ qablu’ waqt li għamilha ċara li, f’każ li ma jintlaħaqx ftehim mal-Iran, il-qawwiet Amerikani għandhom jikkonċentraw l-attakki intensivi fuq l-impjanti tal-Iranjani li jiġġeneraw l-elettriku, kif ukoll fuq it-territorji fejn hemm il-bjar taż-żejt.
Il-Gżira ta’ Kharg, li hi importanti ħafna għall-esportazzjoni taż-żejt mill-Iran, ukoll, ‘il quddiem, kapaċi tisfa’ mira għall-assedju mill-ajru tal-Amerikani u l-Iżraeljani.
Trump, intant, tkellem ukoll dwar ‘id-determinazzjoni tal-Amerikani biex ipattuha lill-Iran għall-qtil tas-suldati tagħhom tul is-47 sena li ilu jeżisti r-reġim ta’ Teheran’.
L-Iran, fl-aħħar sigħat, ma deherx wisq impressjonat bit-theddid, bil-Ministeru għall-Affarijiet Barranin f’Teheran isostni li l-kundizzjonijiet għall-paċi li ressqulhom l-Amerikani huma ‘eċċessivi u mhux ġustifikati’.
L-istess Ministeru spjega li ma kellu l-ebda negozjati diretti mal-Istati Uniti u li l-unika forma ta’ kuntatt kellha ssir bil-messaġġi bejn naħa u oħra permezz tal-intermedjarji…Sitwazzjoni li, fost oħrajn, tindika li l-Amerikani lesti biex jidħlu f’negozjati mal-Iranjani wara li ilhom jattakkawlhom pajjiżhom għal daqstant ġimgħat.
Il-Gvern Iranjan anki qed jakkuża lill-Istati Unit b’li qed tibdel kontinwament il-pożizzjoni tagħha, fost l-istqarrija li ‘ma tafx kif wieħed jista’ jieħu bis-serjetà l-isforzi tal-Amerikani għal diplomazija meta huma, filwaqt li jgħidu li jridu jinnegozjaw, qegħdin anki jippersistu bl-attakki mill-ajru fuq iz-zoni residenzjali tal-Iran.’
Is-sitwazzjoni ta’ Hormuz tibqa’ imprevedibbli
L-Istati Uniti, sadanittant, sejħet mill-ġdid biex l-Iranjani jiftħu mill-ġdid ir-Rotta ta’ Hormuz li ilha żmien magħluqa għall-bastimenti li mhumiex aċċettabbli għar-reġim f’Teheran. Dan meta madwar 20 fil-mija tal-kunsinni taż-żejt għall-pajjiżi tad-dinja għadhom weqfin f’dik il-medda ta’ baħar, bil-prezz taż-żejt globali, ikun stabbilit mal-$115.
Is-sitwazzjoni f’Hormuz, minkejja l-isforzi diplomatiċi, mistennija tibqa’ imprevedibbli għat-tul taż-żmien, fost rapporti mill-kumpannija Kpler li, matul il-jum tat-Tnejn, għaddew biss tlett bastimenti minn dik iz-zona ta’ baħar.
Il-kumpannija Kpler tiġbor id-data u l-informazzjoni relatati mal-affarijiet marittimi u kemm-il darba qed tiġbed l-attenzjoni tal-pajjiżi għas-sitwazzjojni allarmanti fir-Rotta ta’ Hormuz…Rotta minfejn, qabel il-gwerra, kienu jgħaddu talanqas 140 bastiment kummerċjali (inklużi tankers taż-żejt) kuljum.
Sadanittant, l-Istati Uniti tidher attenta biex ma tindirizzax il-kriżi fid-dettall, bis-Segretarju Amerikan għat-Teżor, Scott Bessent, waqt intervista ma’ Fox News, itenni li ‘is-swieq taż-żejt għandhom ammonti adekwati tar-riżors’ u meta ‘l-Istati Uniti u d-dinja jridu li s-sitwazzjoni tirritorna għan-normal’.
Scott Bessent sostna li d-defiċit fis-swieq taż-żejt hu ekwivalenti għal bejn għaxar u tnax-il barmil kuljum u li, fil-preżent, ‘qed jittieħdu l-miżuri biex jindirizzaw l-iżbilanċ’.
Is-Segretarju Amerikan anki esprima fiduċja li dalwaqt għandha nerġgħu naraw il-movimenti ħielsa tal-vapuri fir-Rotta ta’ Hormuz, irrispettivament minn jekk il-vapuri jkollhomx skorta tal-bastimenti tal-gwerra tal-Istati Uniti, inkella min-Navies tal-pajjiżi alleati ta’ Washington.
Dawn il-kummenti, madankollu, ma jidhrux li kkalmaw daqstant lis-swieq taż-żejt internazzjonali, b’numru ta’ osservaturi u analisti fl-Ewropa qed jikkuntestaw ‘l-ottimiżmu infondat ta’ Scott Bessent’.
//= $special ?>

