Lokali

Il-President Roberta Metsola tagħti ċertifikati lil interpreti Maltin ġodda fl-akkademja tal-Interpretazzjoni tal-Parlament Ewropew

Erba’ tradutturi Maltin li jaħdmu fil-Parlament Ewropew temmew b’suċċess il-program intensiv ta’ taħriġ tal-Akkademja tal-Interpretazzjoni tal-Parlament Ewropew. L-Akkademja hija l-inizjattiva ewlenija tal-Parlament imfassla biex tħarreġ interpreti tal-konferenzi f’lingwi li għalihom hemm bżonn urġenti ta’ professjonisti tas-sengħa, bil-Malti issa qed jingħata importanza ewlenija.

Waqt ċerimonja li saret fi tmiem il-programm, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola faħħret id-dedikazzjoni tal-parteċipanti, li għaddew minn 20 ġimgħa ta’ tħejjija full-time. Il-programm iħarreġ lit-tradutturi b’tekniki ta’ interpretazzjoni ta’ livell għoli filwaqt li jipprovdi fehim profond ta’ kif jopera l-Parlament Ewropew, u jiżgura li l-parteċipanti jkunu lesti li jirnexxu fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-UE.

Fid-diskors tagħha lill-gradwati u lill-uffiċjali, il-President Metsola enfasizzat ir-rwol kruċjali tal-professjoni.

“Dak li tagħmlu bħala tradutturi u interpreti huwa importanti. Bħala membri eletti, ir-responsabbiltà tagħna hi li nitkellmu f’isem in-nies li nirrappreżentaw u li nispjegaw id-deċiżjonijiet tagħna b’mod ċar. Imma kieku ma kienx għalikom, dan kien ikun impossibbli. Intom dawk li tgħaqqdu dik id-distakk. Intom tibdlu l-kliem f’tifsira. Intom taċċertaw ruħkom li dak li ngħidu mhux biss jinstema’, iżda jinftiehem,” qalet il-President Metsola.

Filwaqt li rrikonoxxiet is-sinifikat tat-tisħiħ tal-lingwa Maltija fuq il-palk Ewropew, il-President żiedet tgħid:

“Jiena kburija bit-tradutturi u l-interpreti kollha tal-Parlament Ewropew. Bis-saħħa tagħkom, in-nies ta’ Malta u Għawdex jistgħu jaqraw u jisimgħu dak kollu li jiġri fil-Parlament Ewropew bil-lingwa tagħna stess. Bħala President, se nkompli niżgura li llum huwa biss il-bidu ta’ proċess itwal fejn se jkollna aktar opportunitajiet biex nitkellmu bil-Malti.”

Il-President Metsola qalet li l-Parlament Ewropew jibqa’ impenjat li jinvesti f’talent ġdid biex jiżgura li l-multilingwiżmu, prinċipju demokratiku ewlieni tal-Unjoni Ewropea, jibqa’ realtà ħajja fil-qalba tad-dibattitu politiku.