u
Iżrael, filwaqt li qed jirranka l-kampanja militari kontra l-milizji Lebaniżi Xiti tal-Ħeżbollah, wera biċ-ċar l-intenzjonijiet tiegħu biex jikkontrolla ‘il-massimu tal-artijiet’ fil-Libanu…Dan bil-ħsieb li jiċħad lill-milizji ( alleati tal-Iran) mis-siti minfejn jistgħu jibbumbardjaw lill-ibliet tal-Iżraeljani man-naħa l-oħra tal-fruntiera.
Fil-fatt, l-aħħar passi tal-Iżraeljani wasslu għal sitwazzjoni fejn huma, fil-preżent, qed jikkontrollaw talanqas għaxra fil-mija tat-territorju Lebaniż.
Il-Prim Ministru Iżraeljan, Benjamin Netanyahu, waqt żjara fil-kwartieri-ġenerali tal-Qawwiet tad-Difiża għar-reġjun tat-Tramuntana, qal li l-militar tiegħu għandu jkompli jespandi l-hekk-imsejħa ‘zona ta’ sigurtà’ lejn in-naħat t’isfel tal-Libanu.
Netanyahu qal li l-ħsieb ta’ dan hu biex l-Iżraeljani jikkontrollaw ‘definittivament’ it-theddida ta’ xi invażjoni ta’ arthom mill-Ħeżbollah. Dan ukoll filwaqt li jagħmluha aktar diffiċli għall-milizji Xiti biex jisparaw ir-rokits lejn Iżrael.
Mifhum li l-espansjoni tal-artijiet Lebaniżi taħt il-kontroll ta’ Iżrael għandu jmur ‘il hinn sew mix-Xmara Litani…L-inħawi li, kif qal ġimgħa ilu l-Ministru Iżraeljan għad-Difiża, Israel Katz, kellhom jindikaw il-linja ċara għall-kontroll tal-qawwiet Iżraeljani (fil-Libanu).
Sadanittant, qed ikompli l-eżodu tal-familji Lebaniżi mill-artijiet indikati…Sitwazzjoni fejn l-ebda persuna mhi qed tkun permessa li tibqa’f’darha qabel tispiċċa darba għal dejjem it-theddida mill-Heżbollah għall-Iżraeljani residenti fin-naħat ta’ fuq ta’ pajjiżhom,
Id-deskrizzjoni taz-zona tas-sigurtà bħala ‘buffer zone’, sadanittant, tfakkar f’meta l-qawwiet Iżraeljani kienu jokkupaw it-territorji lejn in-nofsinar tal-libanu, bejn l-1985 u l-2000.
U fl-aħħar sigħat, fin-Nofsinar tal-Libanu, komplew il-battalji ħorox bejn it-truppi u t-tankijiet ta’ Iżrael kontra l-ġellieda tal-Ħeżbollah.
L-uffiċjali Iżraeljani qalu li l-Ħeżbollah qed jitilfu ammont sinifikanti ta’ ġellieda f’dawn il-battalji u li s-suldati ta’ Iżrael qed jaħsbu biex jippenetraw dejjem aktar ‘il ġewwa fil-Libanu.
Sallum, mietu talanqas ħames suldati Iżraeljani mindu pajjiżhom beda l-aħħar inkursjonijiet fil-Libanu bħala estensjoni tal-gwerra li Iżrael u l-Istati Uniti qegħdin jiġġieldu, bħalissa, kontra l-Iran.
//= $special ?>

