Il-MAY tesprimi tħassib serju dwar l-aħħar żviluppi li qed jgħaqqdu programmi sportivi mmirati għaż-żgħażagħ ma’ aġenziji marbuta mar-regolazzjoni tal-kannabis jew ma’ setturi oħra relatati mal-vizzji. L-assoċjazzjoni twissi li dawn l-arranġamenti jistgħu jerġgħu joħolqu l-problemi etiċi li rajna fis-snin disgħin, meta kumpaniji tat-tabakk kienu jisponsorjaw avvenimenti sportivi.
Dan intqal fi stqarrija mill-Assoċjazzjoni Maltija tal-Youth Workers (MAY) fejn tenniet li tappoġġja bis-sħiħ l-isforzi nazzjonali li jkabbru l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fl-isport, b’mod partikolari inizjattivi li għandhom l-għan li jneħħu l-ostakli finanzjarji u soċjali. L-isport jippromwovi s-saħħa, il-benesseri, l-iżvilupp tal-identità u l-inklużjoni—valuri fundamentali tal-ħidma maż-żgħażagħ.
Għaliex sponsorships bħal dawn huma problematiċi:
- Id-droga u l-alkoħol jagħmlu ħsara lill-moħħ li għadu qed jiżviluppa fl-adolexxenti. Riċerka turi li l-użu ta’ sustanzi f’din l-età jfixkel in-neurotransmitter u jnaqqas il-memorja, it-tagħlim u l-kapaċità ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet.
- Lis-sponsorship tinnormalizza sustanzi ta’ ħsara għaż-żgħażagħ. L-espożizzjoni għal sponsorship marbuta ma’ prodotti li joħolqu dipendenza żżid il-probabbiltà ta’ użu bikri u tassoċja dawn is-sustanzi ma’ suċċess.
- Riċerka torbot l-użu ta’ sustanzi fl-adolexxenza ma’ probabbiltà ogħla ta’ problemi fis-saħħa mentali, dipendenza, diffikultajiet akkademiċi u problemi soċjali fit-tul.
- Finanzjament marbut ma’ industriji relatati mal-vizzji joħloq messaġġi kontradittorji u jdgħajjef il-prevenzjoni.
Ir-rakkomandazzjoni:
Il-MAY tipproponi li kull fond li ġej minn setturi marbuta ma’ sustanzi li joħolqu dipendenza—inkluż dħul mir-regolazzjoni tal-kannabis jingħta minflokk lill-Fond għal Kawżi Soċjali.
Skont sorsi uffiċjali tal-Gvern, il-Fond għal Kawżi Soċjali:
- Huwa amministrat mill-Kumitat tal-Fond għal Kawżi Soċjali taħt il-Gaming Act
- Jappoġġja kawżi soċjali, kulturali, sportivi, edukattivi, filantropiċi u ta’ interess pubbliku;
- Jiġi ffinanzjat minn taxxi, tariffi, u dazji fost oħrajn.
Dan il-mekkaniżmu jiżgura trasparenza, integrità etika u qbil mal-għanijiet tas-saħħa pubblika, filwaqt li jevita rabta diretta bejn l-iżvilupp taż-żgħażagħ u dħul marbut ma’ setturi li joħolqu dipendenza.
Sejħa għall-Azzjoni
Il-MAY tħeġġeġ lill-awtoritajiet u lill-entitajiet sportivi biex jadottaw politiki ta’ finanzjament trasparenti li jipprojbixxu sponsorships marbuta ma’ industriji li joħolqu dipendenza. Iż-żgħażagħ jistħoqqilhom ambjenti sportivi li huma b’saħħithom, li jagħtuhom l-appoġġ u li huma ħielsa minn influwenzi li jistgħu jxekklu l-benesseri tagħhom.
//= $special ?>

