It-tfal għandhom jiġu protetti minn influwenzi ta’ ħsara u m’għandhomx ikunu esposti għal
drawwiet ħżiena bħas-sigaretti, l-alkoħol jew sustanzi illeċiti, li kollha jistgħu jaffettwaw serjament
is-saħħa u l-iżvilupp tagħhom.
Sostniet dan il-Kummissarju għat-Tfal li kompliet tisħaq li l-ħarsien tal-benesseri tat-tfal huwa responsabbiltà ta’ kulħadd, ejja naħdmu flimkien biex niżguraw li ma jkunx hemm l-ebda referenza jew assoċjazzjoni, kemm b’mod dirett jew indirett, għall-drawwiet ħżiena bħal kannabis u prodotti relatati sabiex it-tfal jitrabbew f’ambjenti siguri fejn ikunu jistgħu jiffjorixxu u jagħmlu għażliet pożittivi għall-futur
tagħhom.
Fi stqarrija l-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal kompliet tgħid li t-tfal kollha għandhom id-dritt li jikbru f’ambjent sigur u b’saħħtu. F’konformità mal-mandat tal-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-tfal, li jippromwovi u jħares id-drittijiet tat-tfal kif stabbiliti fil-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda dwar id-Drittijiet tat-Tfal, l-Uffiċċju jkompli jħeġġeġ lill-komunitajiet biex jippromwovu stil ta’ħajja tajjeb għas-saħħa fost it-tfal li jinkludi attività fiżika regolari u ikel bnin.


