L-isfidi fid-djar tal-anzjani dejjem qed jiżdiedu, u sabiex l-anzjani li bnew pajjiżna jkollhom ħajja li jixriqilhom jeħtieġ ħafna investiment.


Kien dan is-sentiment li wassal fil-messaġġ tiegħu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg wara żjara li għamel fis-St Catherine’s Home f’Ħ’Attard, kmieni t-Tnejn filgħodu.
Alex Borg wiegħed illi ġaladarba l-Partit Nazzjonalista jkun fil-Gvern hu se jagħti sostenn kontinwu lid-djar tal-anzjani sabiex problemi ta’ nuqqas ta’ ħaddiema u anke problemi finanzjarji jittaffew.
St Catherine’s Home li fil-passat kienet sptar immexxi mis-sorijiet u issa mmexxija mill-General Manager Josiah Grech, tospita 95 anzjan. Dan il-post joffri kura ħolisitika lir-residenti fosthom hairdressing, u ikel speċifiku għal kull resident.

Dan sabiex l-anzjani xorta waħda jgħixu f’komunità li tiġborhom flimkien.
Fl-aħħar xhur u ġimgħat, il-Partit Nazzjonalista ressaq ‘l quddiem numru ta’ proposti konkreti sabiex l-anzjani, propju dawk li sawru Malta li nafu llum, jgħixu ħajja mill-aktar diċenti.
Għal din iż-żjara l-Kap tal-Partit Nazzjonalista kien akkumpanjat mix-Shadow Ministers Paula Mifsud Bonnici u Ian Vassallo.



