Jinkwetana l-fatt li t-tfal tagħna qed jiġu sponsorjati minn fondi relatati mal-kannabis, u dan iqajjem diffikultajiet etiċi u morali.
Stqarret dan l-OASI li filwaqt li nirrikonoxxu l-isforzi li qed tagħmel l-ARUC biex tirregola l-assoċjazzjonijiet tal-kannabis, u tapprezza li l-entitajiet involuti f’dan l-avveniment stqarrew li jridu jippromwovu l-isport aktar milli l-użu tad-droga, xorta waħda tenniet li l-ebda professjonist li jaħdem fil-qasam tal-prevenzjoni tal-użu ta’ sustanzi ma jista’ jikknferma li din l-istrateġija tgħin biex jiġi evitat l-użu tas-sustanzi.
Fi stqarrija huma spjegaw li filwaqt li bħala pajjiż neħħejna kull forma ta’ promozzjoni relatata mat-tipjip tas-sigaretti u qed nimxu lejn strateġiji simili fejn jidħol l-alkoħol u l-logħob tal-ażżard, ma jistax jingħad li l-istess japplika għall-kannabis. Wieħed irid jirrikonoxxi li din is-sħubija qed twassal messaġġ spikoloġiku ħażin lill-ġenerazzjoni żagħżugħa tagħna.
L-OASI tenniet li kif semmew diversi drabi fil-passat, jemmnu bis-sħiħ li l-użu tal-kelma “responsabbli” flimkien ma’ kwalunkwe sustanza jwasal biex jitwassal messaġġ kontra-produttiv biex jiġu promossi prattiċi b’saħħithom fil-popolazzjoni tagħna.
Ta’ min jinnota studju fl-Awstralja li kopra kampjun ta’ 8,841 persuna u li wera li 50.4% ta’ dawk li bdew jużaw stimulanti żviluppaw diżordni. Bl-istess mod, 37.5% ta’ dawk li bdew jużaw l-alkoħol żviluppaw disturb relatat mal-użu tal-alkoħol, filwaqt li 34.1% ta’ dawk li bdew jużaw il-kannabis żviluppaw disturb relatat mal-użu tal-kannabis (Marel et al., 2018).
Aħna konxji li kull użu ta’ droga huwa wieħed mill-fatturi ewlenin li jwasslu għal kumplikazzjonijiet tas-saħħa mentali, għalhekk il-Fondazzjoni OASI tħeġġeġ lil dawk li jfasslu l-politika u lill-awtoritajiet rilevanti biex jerġgħu jikkunsidraw bir-reqqa l-implikazzjonijiet tal-assoċjazzjoni bejn fondi relatati mal-kannabis u attivitajiet li jinvolvu minorenni, u biex jiġi żgurat li l-prinċipji ta’ prevenzjoni jibqgħu konsistenti fir-rigward tas-sustanzi.
//= $special ?>

