Opinjoni

Opinjoni: Din il-ġimgħa

Carm Mifsud Bonnici
Shadow Minister
għar-Riforma Kostituzzjonali, l-Identità Nazzjonali
u d-Djalogu Interkulturali

  1. Mumenti fejn il-bniedem jipprova jsib lilu nnifsu. Ħafna drabi ġranet ta’ riflessjoni dwar dak li wieħed ikun għaddej minnu. Iqiegħed lilu nnifsu fil-pożizzjoni li jaħseb li huwa u jimxi lejn fejn jittama li huwa ’l quddiem għalih. Anki jekk ma jaqtax, jew aħjar, ma jkunx daqshekk ċert, xorta jibqgħu parti minn deċiżjonijiet umani. Dawk li wieħed jieħu daqqa b’għaġġla u daqqa b’inqas, imma f’dan almenu jista’ forsi jdum iktar itella’ u jniżżel.

Fil-ħajja

  1. Dan huwa wkoll parti mill-ġabra li wieħed jislet fil-qari tal-Passjoni. Anki jekk ma temminx, ngħid li xorta dan il-mument tal-istorja tad-dinja jgħin sabiex timxi ’l quddiem.
    Tiftakar f’dak li Sidna Ġesù Kristu għadda minnu u fl-istess ħin tagħraf li hemm oħrajn li b’xi mod messew ma’ parti mill-kalċi tal-imrar li ġie misqi. Iktar u iktar meta l-istorja stess, mill-fonti sħaħ ta’ dak il-perjodu u wara, wieħed jagħraf li ċertament ġid biss wettaq. Fil-perfezzjoni sħiħa tiegħU nagħrfu li fil-mirakli li seħħew kien hemm persuna unika, u li bil-kliem li ngħad minnu kien daqstant ieħor fil-livell għoli ta’ ideat u pariri. Min irid jipprova jibdel ħajtu jista’ jipprova jisma’ u jieħu dawk l-ideat.

Talb

  1. Però f’dan kollu, ħafna drabi, speċjalment dawk li huma fil-ħajja attiva jinsew li parti essenzjali ta’ żmienu kien dedikat mhux biss lill-bniedem imma lit-talb. Kull persuna, b’xi mod, hi x’inhi l-fehma reliġjuża tiegħu, jieqaf jitlob. It-talb jista’, kif nafu, ikun marbut ma’ mument partikolari li dak jkun ikun għaddej minnu. Jista’ jkun mument ta’ tama f’dak li jixtieq għalih innifsu jew għal oħrajn. Imma l-fatt huwa li t-talb huwa parti essenzjali tal-bniedem, li ma jistax jaħrab minnu fid-dinja interna tiegħu. F’dawn il-ġranet, waqt li wieħed ikun qiegħed jisma’ l-Vanġeli, jew jara l-wirjiet, il-purċissjonijiet li jkunu għaddejjin, jista’ jifhem aktar kemm huwa f’postu li l-bniedem, hu min hu, jinġabar ġewwa fih u jitlob.

Fil-perfezzjoni

  1. F’dan aktar meta sena wara sena tgħarbel ir-rakkonti tal-Passjoni u b’xi mod tislet punti li qabel ma kinux laqtuk. Xi drabi mill-kliem stess, u oħrajn minn dak li jiġi spjegat lilek.
    Tagħraf li kull persuna jgħaddi mill-passjonijiet tiegħu. Kull wieħed jgħaddi mill-mumenti tal-prova. Fejn irid jagħżel bejn il-verità jew le, u f’dan jibqa’ sod fil-prinċipji u l-ideat tas-sewwa li jħares lejhom b’determinazzjoni. Dak li għaddew lil Ġesù Kristu minnu bnedmin oħra qabilna jfakkarna li anki jekk twettaq il-ġid ser issib lil min irendilek lura bid-deni.
    Ifakkarna wkoll li Ġesù Kristu għadda minn dak il-mument meta ġie tradut, miċħud u abbandunat minn dawk li kienu l-aktar viċin tiegħu. Iġibna lura nifhmu li m’għandna xejn speċjali jekk ngħaddu minn dan aħna wkoll, b’livelli u proporzjonijiet differenti.

Dak li seħħ

  1. Fil-qari sħiħ tal-erba’ Vanġeli u l-Atti tal-Appostli wieħed jieħu aktar għarfien li hemm dak il-punt meta wieħed jgħaddi mill-prova. Anki jekk ma temminx, xorta tista’ tifhem u tieħu qies minn dak li l-bniedem jgħaddi minnu. Fir-rakkonti tifhem li wieħed jagħraf dak li ġej fuqu u għalih. Jifhem li anki jekk ma jixtieqx jgħaddi minn dak li jridu jgħadduh, xorta jrid jimxi dik it-triq iebsa li sservih għalih innifsu. F’għajnejn oħra jista’ jkun li joħroġ tellief, imma fir-realtà ma jkunx hekk. Jitlef il-pożizzjoni, imma jirbaħ iktar lilu nnifsu fil-qies li huwa wettaq. Jagħti eżempju ta’ kif il-bniedem għandu jġib lilu nnifsu u jimxi ’l quddiem, huma x’inhuma l-isfidi u d-diffikultajiet tiegħu.

Jikkonċentraw

  1. Diversi drabi, f’dawn il-jiem niftakar f’persuna li kont iltqajt magħha tixtri l-kotba dwar il-vari tal-Passjoni f’pajjiżna. Kien Taljan u l-kitba kienet bil-Malti. Staqsejtu għala, u kien spjegali li kien qiegħed jikteb dwar il-fatt li aħna fid-dinja Ewropea nagħtu valur lis-sofferenza u t-tbatija li kulturi oħra m’għandhomx. Fil-kuntrast qawwi għalih f’dak li kien qiegħed jara bejn dawk li jaħarbu minn dan u dawk li jidħlu għalih fl-għarfien li huwa parti inevitabbli tal-ħajja. Għax fil-fatt għandna din il-kultura li tagħraf li minn din il-linja wieħed jista’ jimxi ’l quddiem u jsir persuna aħjar milli kien qabel. Il-valuri tal-ħajja, dawk fundamentali ssibhom meta ssib lilek innifsek fil-mumenti tal-prova. Iservuk, ibasktuk, u fl-istess ħin jassugurawk f’dak li tkun qiegħed twettaq f’ħajtek. Effettivament issir bniedem aħjar milli tkun. Timxi ’l quddiem, anke jekk neċessarjament ma jkun hemm ħadd miegħek jew warajk.

F’dan il-Jum

  1. Huwa proprju f’dan il-jum li wieħed iħares iktar ’il quddiem sabiex jifhem il-ħajja u dak li huwa għaddej minnu. Jagħraf jislet id-direzzjonijiet tiegħu u l-konsegwenzi ta’ dak kollu li seħħlu u li ser iseħħlu. Dak li jidher avvers għalih jew kuntrarju għall-volontà tiegħu jieħdu minflok bħala parti mill-proċess intern tiegħu biex jinbidel aktar. Inqas iktar f’dan ma jorbot ruħu ma’ linja waħda imma jkun lest li jibdel. Din hija ġimgħa importanti għalina f’pajjiżna, proprju għax twassal għal dawn ir-riflessjonijiet. Hija maħbuba minn ħafna minħabba din il-ġabra li ġġib magħha. F’dan nittama li diversi jagħrfu aktar is-sabiħ ta’ dan kollu u jużawh kif mogħti lilna għall-ġid effettiv tagħhom.

Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 29 ta’ Marzu, 2026.