Opinjoni

Opinjoni: L-arroganza tal-Gvern

Berġa ta’ Kastilja

Graziella Attard Previ
Shadow Minister
għall-Ugwaljanza, il-Libertajiet Ċivili
u x-Xandir Pubbliku

Ħafna snin ilu fi Franza, ir-Re Luiġi XIV li rrenja għal 72 sena kien isejjaħ lilu nnifsu Le Roi Soleil, bil-Malti Ix-xemx. Ix-xemx hija simbolu ta’saħħa, qawwa, ħajja u poter. B’dan it-titlu r-Re Luiġi XIV ried juri kemm hu importanti, kif kollox idur miegħu (bħalma l-pjaneti jduru madwar ix-xemx), kemm għandu setgħa, kemm għandu poter, kemm hu tajjeb, kemm hu l-aqwa wieħed. Ego kbir.
F’Malta tal-2026 għandna Prim Ministru u Gvern li għalkemm huma eletti demokratikament bir-rieda tal-poplu wkoll jaħsbu li huma daqs ix-xemx. Jitkellmu b’on arroganti, jaħsbu li hadd mhux kapaċ jiggverna lil Malta jekk mhux huma. Jaħsbu li ħadd ma jista’ għalihom, jgħidu li għax għandhom il-maġġoranza għandha dejjem tgħaddi tagħhom, iħossuhom infallibbli u jemmnu li għandhom xi dritt divin li jiggvernaw lil Malta qisha xi art ta’ żmien il-fewdu fejn kollox isir skont ir-rieda tagħhom.
Iżda dan ċertament li mhuwiex il-każ. M’aħniex ngħixu fi żmien il-fewdu jew taħt xi monarkija assoluta u għaldaqstant il-Gvern jagħmel sewwa li jirrispetta l-funzjoni tal-Parlament, jirrispetta lill-Oppożizzjoni, jagħti widen lis-soċjetà ċvili, jirrispetta lill-ġurnalisti u jaċċetta l-kritika li ssir fil-konfront tiegħu.
Għal ħafna snin kienu jgħidu li l-Partit Nazzjonalista jaħseb li għandu jiggverna bi dritt. Għamlu wkoll snin jgħajruna negattivi meta ma naqblux magħhom. Issa donnhom qegħdin jiġu daharhom mal-ħajt.
Il-Gvern Laburista u l-Prim Ministru għandhom jifhmu li mhumiex ix-xemx. Iridu jifhmu wkoll li x-xemx ma telgħetx fl-2013 meta nbidel il-Gvern. Filwaqt li dejjem għedna li l-ebda Gvern ma jagħmel kollox tajjeb jew kollox ħażin, u li għaldaqstant nemmnu li iva fl-aħħar snin saru tibdiliet tajbin fosthom fejn jidħlu drittijiet ċivili, dan ma jfissirx li kollox miexi fuq ir-rubini.
F’pajjiżna għandna problemi serji. L-istituzzjonijiet mhumiex jaħdmu kif suppost, il-korruzzjoni fl-aħħar snin kienet rampanti, kellna każijiet serji ta’ nuqqasijiet fit-tmexxija u l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, li se tibqa’ tebgħa sewda għall-Gvern Laburista, misjub ħati li ħoloq atmosfera li fiha dan il-qtil seta’ jseħħ.
Il-mudell ekonomiku adottat mill-Gvern Laburista għandu wkoll difetti serjissimi. Għalkemm jidher li hemm tkabbir ekonomiku, dan huwa mibni fuq pedamenti li mhumiex sostenibbli fit-tul. Filwaqt li iva jidher li hawn iktar flus fl-idejn, il-poplu qiegħed iħallas prezz qares għal dan. Il-poplu li jagħmel sigħat kuljum fit-traffiku, sigħat jistenna fl-isptar. Il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini qed tiġi affettwata ħażin ħafna. L-ambjent ta’ pajjiżna kompla sejjer lura, trabijiet fl-arja, tniġġis, storbju, bini kullimkien. Malta qiegħed titlef l-identità tagħha dejjem iktar.
Tajjeb ukoll li kieku l-Gvern jammetti li fejn saru xi suċessi f’pajjiżna, dawn huma wkoll mibnija fuq il-pedamenti sodi li kien hemm. Is-suċess ekonomiku, it-tkabbir fit-turiżmu huma riżultat ta’ deċiżjonijiet għaqlija li saru minn Gvernijiet Nazzjonalista preċdenti, fosthom id-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea li nibqgħu nfakkru li l-Partit Laburista kien kontriha.
Min jitkabbar jiċċekken u min jiċċekken jitkabbar. Min jaħseb li huwa indispensabbli sejjer imqarraq. Malta u l-Maltin jixirqilhom aħjar. Jixirqilna wkoll nies fit-tmexxija li jemmnu fil-poplu u mhux fl-ego kbir tagħhom.
Il-Partit Nazzjonalista jwiegħed li meta jkun fil-Gvern ikompli jpoġġi lin-nies fiċ-ċentru tal-politika u jmexxi lil Malta u Ghawdex b’umiltà għax kif dejjem emminna l-politika qiegħda hemm bħala servizz.

Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 29 ta’ Marzu, 2026.