Lokali

Wara 13-il sena ta’ Gvern Laburista…Abela jibqa’ jitkellem fuq il-passat

Jibqa' jsemmi s-snin passati u jattakka lill-PN

Quddiem dawk preżenti biswit il-monument tal-Ħelsien it-Tnejn filgħaxija, Robert Abela reġa’ saħaq li din is-sena hija s-sena tal-azzar tal-Labour. Dan filwaqt li reġa’ dar għar-retorika partiġġjana ta’ attakki fil-konfront tal-Partit Nazzjonalista.

Minn fuq il-palk fix-Xatt tal-Birgu, Abela insista li “l-kbir għadu ġej” – fost iċ-ċapċip tal-partitarji Laburisti.

Intant, wara li preżenta il-Viżjoni sal-2050, issa Abela qed jgħid li se jippreżenta Viżjoni oħra – dwar l-enerġija. Dan wara li l-Gvern induna li nesa kompletament lil dan is-settur.

Fid-diskors tiegħu, Robert Abela nesa, jew konvenjament naqas, milli jitkellem dwar iż-żieda fil-popolazzjoni – U fl-istess waqt li beda jitkellem fuq ekonomijja ibbażata fuq il-barrani tas-snin sebgħin, ironikament Abela ma semma’ xejn dwar kif l-ekonomija ta’ Malta, li llum hija bbażata fuq iż-żieda fil-popolazzjoni.

Apparti min hekk, mhux talli ma rrikonoxxix il-problema tal-għoli tal-ħajja, imma Abela injora totalment lil dawk li għaddejjin minn problemi finanzjarji; tant illi qal li ġejna l-aqwa f’kollox. Dan anke wara ġurnata turbolenti għal-labour, hekk kif is-Segretarju Parlamentari Laburista Rebecca Buttigieg iddeċidiet li żżomm il-ftehim bejn in-nurseries tat-tfal u l-ARUC – sponsorship li ngħata mill-Awtorità tal-Użu tal-Kannabis.

Tant hu hekk, li anke l-kollega tagħha l-Ministru responsabbli mill-Isport, Clifton Grima iddikjara li din l-inzjattiva saret “b’nuqqas ta’ ħsieb”. Bil-qasma fi ħdan il-Labour tidher dejjem aktar evidenti, b’attakki u ġlied intern saħansitra fil-jum tal-attivitá Laburista – lejliet Festa Nazzjonali.