Lokali

Baraxx ta’ kritika għall-ftehim tal-kannabis li Rebecca Buttigieg qed tibqa’ tiġġustifika

Bosta jgħidu l-ftehim bejn l-MFA u l-ARUC mhux l-ideali għal uliedna

It-tfal għandhom jiġu protetti minn influwenzi ta’ ħsara u m’għandhomx ikunu esposti għal drawwiet ħżiena bħal sustanzi illeċiti li jistgħu jaffettwaw serjament is-saħħa u l-iżvilupp tagħhom.

Kienet din ir-reazzjoni tal-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal b’rabta mal-ftehim li seħħ b’tant pompa bil-barka tal-Gvern u s-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg, bejn l-MFA u l-ARUC – ċioè l-isponsorship li ngħatat lill-MFA għan-nurseries mill-Awtorità tal-Użu Responsabbli tal-Kannabis – inizjattiva li mhux talli qajmet furur fil-pajjiż fosthom minn preżentaturi fuq ix-Xandir tal-Istat bħal Ricky Caruana, iżda wkoll mill-Ministru responsabbli mill-Isport Clifton Grima…li sostna li dan kien nuqqas ta’ ħsieb.

L-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal għamilha ċara li l-ħarsien tal-benesseri għat-tfal huwa responsabbiltà ta’ kulħadd, u li jrid jiġi żgurat li ma jkun hemm ebda referenza jew assoċjazzjoni magħhom kemm dirett kif ukoll indirett ma xi prodotti tal-kannabis.

Dan filwaqt li Fondazzjoni Oasi insistiet li huwa inkwetanti li uliedna qed jiġu sponsorjati minn finanzi relatati mad-droga kannabis u spjegat li l-kannabis u l-isport ċertament li ma jmorrux flimkien.

Intqal ukoll kif tali ftehim qed iwassal messaġġ ħażin lill-ġenerazzjoni żagħżugħa.

Kelliema għall-Fondazzjoni Oasi appellaw sabiex l-awtoritajiet relevanti flimkien mal-Gvern għandhom jerġgħu jikkunsidraw l-implikazzjonijiet ta’ dan il-ftehim sabiex l-użu tal-kannabis ma jiġix innormalizzat b’mod mhux intenzjonali.

Minkejja dan kollu, minkejja wkoll l-appelli tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg, u l-kritika sottili minn sieħba stess Clifton Grima, id-Deputat Laburista Rebecca Buttigieg għadha s’issa ssabbat saqajha.

Dan hekk kif minflok kienet umli biżżejjed u ammettiet fejn żbaljat, għażlet li tattakka b’mod partiġjan lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg – pass li kompla jwassalha għal kritika qawwija miċ-ċittadini.

Diversi esprimew it-tħassib tagħhom fejn saħansitra Laburisti qalulha li bl-attitudni tagħha qed tkompli ittellef aktar voti lill-Partit Laburista. Oħrajn insistew li ma tistax tibqa’ tiġġustifika t-taħwid li wettqet fejn ġie preċiżat li lanqas il-Ministru Grima stess ma huwa qed jaqbel magħha.

Dan filwaqt li numru ta’ persuni insistew li kien ikun aktar għaqli li ammettiet fejn żbaljat milli issa qed tkompli tissuppervja b’arroganza li ma jixraqx il-pożizzjoni li tokkupa.