Sport Sport Ieħor

Depiro jirbħu l-aħħar logħba tal-kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni

It-tim ta' Depiro

Fil-kumpless Sportiv tal-Kottonera s-Sibt wara nofsinhar saret l-aħħar logħba mill-kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni organizzat mill-Assoċjazzjoni Maltija tal-Volleyball. Bi Mġarr matematikament dikjarati champions, f’din l-aħħar partita Depiro, immexxija minn Charles Gauci, rebħu lil Birkirkara Reds bl-iskor ta’ 3-2. Madankollu Depiro kellhom jitħabtu biex temmew rebbieħa. Huma rebħu l-ewwel żewġ sets 25 għal 16 u 25 għal 17.

Meta Depiro ħasbu li l-logħba kienet magħluqa, Birkirkara għamlu reazzjoni u rebħu ż-żewġ sets ta’ wara 25 għal 13 u 25 għal 20. Kien imiss li jsir il-ħames u l-aħħar set b’Depiro joħorġu rebbieħa 15 għal 13. Fil-klassifika finali, iċ-champions Mġarr għalqu l-kampjonat bi 33 punt, Depiro temmew it-tieni bi 22 punt u Birkirkara ħadu punt minn dan l-aħħar konfront. 

Il-Ħadd sar ukoll festival taħt it-tlettax-il sena, għal tfal li għadhom jibdew dan l-isport. Ħadu sehem biss Paola Maypole, Flyers u Depiro. Flyers rebħu lil Paola 2-1; Flyers lil Depiro 2-0 u Depiro lil Paola Maypole 2-0.