Futbol Sport

DIRETT – Tibda l-partita bejn Lussemburgu u Malta

17:09 – Kollox hu lest biex f’inqas minn siegħa oħra tibda l-partita, mit-tieni leg tal-Promotion Play-Off tal-UEFA Nations League bejn Lussemburgu u Malta, f’Stade de Luxembourg. Wara r-rebħa ta’ 2-0 mil-Lussemburugu, f’Ta’Qali, nhar il-Ħamis li għadda, illum se tkun partita diffiċli iżda mhux impossibli għal Malta.

17:28 – Magħrufa l-ewwel ħdax għall-partita tal-lejla kontra l-Lussemburgu hekk kif magħżula minn Emilio De Leo. Bejn il-lasti, Henry Bonello, fid-difiża komposta minn erba’ difensuri, mal-ġnub iżommu posthom, Zach Muscat u Ryan Camenzuli, filwaqt ċentrali fid-difiża se jkun qed jibda mal-ewwel ħdax Gabriel Mentz li se jkun qed jieħu post Kurt Shaw. Iżomm postu fil-qalba tad-difiża, Enrico Pepe ta’ Marsaxlokk.

F’nofs il-grawnd, l-istess żewġ plejers li bdew fil-partita f’Ta’Qali, ċioè captain Matthew Guillaumier u Alex Satariano. It-tliet plejers f’rwol ta’ midfielders avvanzati se jkunu Paul Mbong, li se jkun qed jimla’ il-post vakanti ta’ Teddy Teuma, fuq il-lemin jirritorna wara li skonta sospensjoni, Joseph Mbong filwaqt li fuq ix-xellug iżomm postu l-fantażista fl-iskwadra Maltija u ta’ FC Sion, Ilyas Chouaref. L-attakkant ewlieni b’sistema ta’ 4-2-3-1, se jerġa’ jkun Irvin Cardona.

17:31 – Il-formazzjoni tal-avversarji hi din, b’sistema ta’ 4-1-2-2-1: Anthony Moris, Seid Korac, Florian Bohnert, Christopher Martins, Aiman Dardari, Danel Sinani, Dirk Carlson, Vincent Thill, Leandro Barreiro, Laurent Jans, Mathias Olesen.

Il-plejers tat-tim nazzjonali Malti bl-aħħar warming up qabel il-bidu tal-partita fis-6pm.

Il-Lussemburgu jitħarġu minuti biss qabel il-partita.

17:47 – Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Alex Borg flimkien mal-Kelliem għall-Isport f’isem il-PN u l-Oppożizzjoni, fost dawk preżenti għal din il-partita.

Preżenti ukoll għal din il-partita f’Stade de Luxembourg hawn ukoll il-Prim Ministru ta’ Malta, Robert Abela.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Alex Borg jistenna l-ħruġ tat-tim Malti.

Il-partitarji numerużi tal-Lussemburgu.

Iż-żewġ timijiet waqt l-inijiet nazzjonali rispettivi qabel il-bidu tal-logħba.

Bidu tal-konfront. Malta bl-ewwel azzjoni perikoluża wara tmien minuti logħob.

Tibda l-partita, u wara biss tmien minuti logħob Malta ħolqu l-ewwel periklu meta minn kross ta’ Joseph Mbong, akorbazija ta’ Ilyas Chouaref, il-goalkeeper avversarju kellu jsalva minn mal-art tentattiv tan-numru 20 ta’ Malta.

Jgħaddu l-ewwel għaxar minuti logħob u l-Maltin ħarġu jamministraw il-partita b’mod tajjeb. Jidher ċar li l-Maltin qed ifittxu ħafna lil Irvin Cardona u lil Ilyas Chouaref kull darba li nkunu fuq l-offensiva.

S’issa, rajna tim nazzjonali Malti organizzat u determinat li ma jħallix lill-avversarji jkollhom logħba faċli f’stadium mimli b’appoġġ għal-Lussemburgu.

18-il minuta logħob. Jerġgħu jkunu Malta fuq l-attakk. Ryan Camenzuli jivvertikaliżża l-logħob mix-xellug għal-lemin, fejn kien hemm Joseph Mbong, b’dan tal-aħħar wara li kkontrolla tajjeb minn barra ‘l kaxxa kkonkluda ftit għoli.

20 minuta logħob. Inkredibbli. L-avversarji ma kienu għadhom għamlu xejn sa dan il-ħin u rrnexxilhoim isibu l-gowl tal-vantaġġ għal 1-0. Kienet azzjoni veloċi li rat lil Lussemburgu jidħlu fil-kaxxa, xi ħaġa li kienet qed tkun rari, anke fl-ewwel partita, ballun għand Vincent Thill li minn quddiem Henry Bonello skorja l-gowl tal-vantaġġ momentarju. Tassew każ li jekk int Malti u qed issegwi l-partita tara dan il-gowl, tħossok frustrat għaliex mal-ewwel azzjoni tal-avversarji, dawn skorjaw.

24 minuta logħob u l-avversarji bħal donnu żiedu fil-kunfidenza. Konkluzzjoni ta’ Christopher Martins għaddiet ftit għolja mil-lasti ta’ Bonello.