Lokali

Iċ-ċelebrazzjoni li fakkret Jum il-Ħelsien

F’temp pjuttost kiesaħ u fix-xita, max-Xatt tal-Birgu, it-Tlieta filgħodu saret iċ-ċerimonja li fakkret l-għeluq tal-bażi militari Brittannika f’pajjiżna 47 sena ilu.

Il-marċ mill-Banda tal-Forzi Armati ta’ Malta beda fid-9:30am f’Bormla sal-monument ta’ Jum l-Ħelsien fil-Birgu, fejn il-Banda tal-Forzi Armati ta’ Malta flimkien mal-Gwardja tal-Unur laqgħu lill-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż.

Iċ-ċerimonja laħqet il-qofol tagħha fl-10am fejn mal-wasla tal-President ingħatat salut nazzjonali – Wara, l-awtoritajiet tal-pajjiż flimkien telgħu fuq il-monument, u ndaqqet il-fanfarra.

Preżenti kien hemm il-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono u d-Deputat Prim Ministru.

Il-Whip tal-Partit Nazzjonalista Robert Cutajar poġġa’ kuruna ta’ fjuri f’isem il-Kap tal-Oppożizzjoni Alex Borg.

Fis-snin sebgħin il-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien Dom Mintoff kien ġedded il-kuntratt mal-Ingliżi mill-1974 sal-1979 biex b’hekk Malta kompliet isservi bħala bażi militari. Iżda imbghad, fil-31 ta’ Marzu tal-1979 telqu minn Malta l-aħħar bastimenti Ingliżi. U b’hekk Malta ma kinitx għadha bażi militari.

Il-programm ta’ din il-festa jkompli – dan meta ssir parata mill-Banda tal-Forzi Armati ta’ Malta fi Pjazza San Ġorġ, fil-Belt Valletta.

F’din il-wirja, il-Banda tal-Forzi Armati ta’ Malta, tesegwixxi numru ta’ kompożizzjonijiet lokali flimkien ma’ numru ta’ marċi li matulhom isiru diversi formazzjonijiet mill-istess membri tal-Banda tal-Forzi Armati ta’ Malta.