Lokali

Ir-regatta tal-31 ta’ Marzu posposta kawża tal-maltemp

Posposta għat-12 ta’ April

Kawża tal-maltemp li ħakem lill-Gżejjer Maltin ir-Regatta tal-31 ta’ Marzu kienet posposta għal nhar il-Ħadd 12 ta’ April.

Dan kollu wara diskussjonijiet bejn l-Awtoritajiet responsabbli u Regatta Malta hekk kif minkejja l-isforzi li saru sabiex, inkluż li bdiet ftit aktar kmieni mis-soltu, xorta waħda l-kompetizzjoni ma setgħetx tkompli kawża tal-kundizzjonijiet tat-temp li ma kienu xejn pjaċevoli.

Intant kien preċiżat li r-riżultati tat-tiġrijiet li laħqu saru se jibqgħu validi.

Sa meta giet posposta kienu saru sitt itlielaq inkluża dik tan-nisa u sak dak l-istadju f’Kategorija Open Bormla kisbu 24 punt, Isla 20 punt, Birzebbugia 8 punti u Birgu 4 punti.

F’Kategorija B Marsamxett bi 28 punt , Isla 16 il-punt, Bormla 12 il-punt u Birgu b’sitt punti. Liema klassifika tibqa’ tgħodd għal meta titkompla r-Regatta.

Fl-ewwel tellieqa fil-programm ta’ ħdax . Kategorija B Ta’ bi Tnejn suċċess għal Marsamxett li permezz ta’ Juan Farrugia u Wayne Cassar daħlu fl-ewwel post f’5 minuti 32 sekonda qabel l-Isla u l-Birgu.

Fit-tieni tellieqa dik tal-Klassi Open ‘Tal-Midalji’ ħadu sehem biss tlett klabbs .

Fl-ewwel post f’korsija ħamsa temmew l-Isla kisbu l-ewwel 20 punt f’4 minuti 36 sekonda permezz ta’ Davison Micallef, Wayne Cassar, Glenn Zammit u Andre’ Gauci qabel Bormla u l-Birgu li waqfu fl-aħħar parti u ġew skwalifikati.

Fil-frejgatini tan-nisa ħadu sehem tlett klabbs u suċċess għal koppja ta’ Bormla Kiahna Camilleri u Zanishia Pace flimkien mal-coxwain Rileyah Pace , li daħlu fl-ewwel post f’7 minuti u 4 sekondi bil-Birgu fit-tieni post qabel l-Isla. Wara bosta snin u suċċessi ma kienux fl-azzjoni Shazel Grima u Glynnis Mizzi li sena ilu qadfu ma Marsamxett wara snin mal-Birgu.

Fir-raba’ tellieqa fil-programm minn Kategorija B – Kajjikki minn korsija numru sitta, Bormla permezz ta’ Kyle Gauci u Osion McKinley daħlu fl-ewwel post qabel Marsamxett u l-Isla.

Wara waqfa ta’ madwar nofs siegħa minħabba l-kundizzjoni ta’ temp ingħata bidu għal tellieqa tal-Frejgatini – Kategorija A, il-ħames waħda fil-programm.

F’6 minuti u 13 il-sekonda Bormla permezz ta’ Mattia Calleja u Mel Magro mal-coxwain Huston Camilleri daħlu fl-ewwel post segwiti minn Birżebbugia u l-Birgu.

F’maltemp kontinwu is-sitt tellieqa dik tal-Midalji Kategorija B, wara żewġ false starts ġie deċiz li ma ssirx u eventwalment thassru wkoll il-bqija tat-tlielaq b-appuntament għal data ohra wara l-Għid.