Jekk hawn wegħda li issa l-Partit Laburista ilu jwiegħed għal 13-il sena sħaħ, hija dik tat-trakka tal-karozzi. U hekk kif qed toqrob sew Elezzjoni Ġenerali il-Gvern dejjem jipprova jiġġustifika l-fatt li l-wiegħda għal trakka tat-tlielaq tal-karozzi reġgħet ma twetqitx.
Fl-2022, il-Gvern mhux talli qal li żamm il-kelma tiegħu ma dawn id-dilettanti…talli saħansitra kien insista li f’din il-leġiżlatura, din it-trakka tat-tlielaq kellha tinbena u titlesta.
Madanakollu, sfortunatament, lanqas mat-timeline li wiegħed hu stess ma żamm – bil-wegħda għadha s’issa fattwalment fl-ajru
Net News staqsa lill-Ministru tal-Isport Clifton Grima dwar il-fatt li din il-wiegħda – għal-leġislatura oħra baqgħet – ma twetqitx.
Bil-Ministru jisħaq li dan ix-xogħol li qed isir issa ma kienx pjanat li jsir u sar wara pariri tal-esperti – għaliex kif qal il-Ministru stess, il-kwart ta’ mil ma kienx jiflaħ aktar attivitajiet.
Turija ċara li din il-wiegħda ma kinietx studjata sew u saret biss sabiex il-Labour jipprova jieħu xi tip ta’ gwadann elettorali.
Matul dawn l-aħħar snin d-dilettanti tal-karozzi staqsew ripetutament għalfejn ix-xogħol kien totalment wieqaf għal bosta snin, anke fuq il-kwart ta’ mil.
It-trakka ilha tiġi mwegħda mill-Gvern Laburista għal numru ta’ snin, sa mill-elezzjonijiet tal-2013, u l-2017 taħt it-tmexxija ta’ Joseph Muscat.
U l-wiegħda 539 tal-manifest elettorali tal-Labour fl-aħħar elezzjoni kienet li c-ċirkwit tat-trakka “jinbeda’ u jitlesta f’din il-leġislatura.”
Madanakollu, f’Marzu tal-2026….snin wara…..għadna bla trakka.
Intant, mistoqsi fuq il-proposta ta’ pitch ġdid tal-Futsal, il-Ministru reġa’ tenna li kien hemm xi intoppi – filwaqt li rrifkjuta li jwieġeb dwar il-wiegħda 552 dwar bini ta’ velodrome fil-miftuħ għaċ-ċiklisti; wegħda li baqgħet qatt ma saret.
//= $special ?>

