Basketball Sport

Kampjonat Louis Borg Nisa U/23: Luxol jirbħu l-kampjonat tan-nisa taħt it-23 sena

Colin Schembri

Starlites 38

Luxol 54

(9-10)(7-20)(12-10)(10-14)

Luxol huma mill-ġdid ic-champions femminili fil-kategorija ta’ taħt it-23 sena meta fit-tieni finali reġgħu għelbu lil Starlites 54-38 f’partita fejn ħadu kontroll speċjalment fit-tieni sessjoni u żammewh sal-aħħar. Id-differenza prinċipali dehret fil-punti minn turnovers (28 kontra 16) u fil-fast breaks (18 kontra 7), kif ukoll fil-kontribuzzjoni mill-bank (21 kontra 4), li kollha flimkien taw lil Luxol vantaġġ konsistenti tul il-logħba. Sarah Fenech Pace kienet l-aktar effettiva għal Luxol b’17-il punt u prestazzjoni solida, filwaqt li Eve Axisa żiedet 14-il punt inklużi trippli importanti fit-tieni sessjoni. Għal Starlites, Julija Dabic spikkat kellha double double ta’ 10 punti u 20 rebound, filwaqt li Philippa Riolo żiedet 10 punti u 12-il rebound. Il-bidu kien bilanċjat, b’Starlites jieħdu vantaġġ żgħir ta’ 6-2 permezz ta’ Degiorgio u Riolo, iżda Luxol wieġbu b’run ta’ 8-0 biex dawru r-riżultat u għalqu l-ewwel sessjoni 10-9 minn fuq. Fit-tieni sessjoni wasal il-mument deċiżiv tal-partita meta Luxol għamlu run qawwija ta’ 13-0. Axisa u Sarah Fenech Pace mexxew attakk veloċi b’diversi punti minn turnovers u fast breaks, inklużi trippli konsekuttivi biex fetħu vantaġġ doppju. Starlites sabu biss risposti limitati minn Dabic u Riolo lejn it-tmiem, u Luxol daħlu jistrieħu 30-16 minn fuq.

Fit-tielet sessjoni Starlites ippruvaw jirritornaw fil-logħba u naqqsu xi ftit id-distakk b’punti minn Cilia u Ferrando, iżda Luxol baqgħu jikkontrollaw il-pass u żammew vantaġġ komdu ta’ 40-28.  Fl-aħħar taqsima Starlites komplew jippruvaw jersqu qrib, inkluża trippla ta’ Riolo li naqqset id-distakk għal 11-il punt, iżda Luxol wieġbu immedjatament permezz ta’ Axisa u Sarah Fenech Pace biex għalqu kull tama ta’ rimonta u jassiguraw rebħa ta’ 54-38. Fi tmiem il-partita is-Segretarju Ġenerali tal-MBA Joseph Muscat ippreżenta t-trofew lil captain ta’ Luxol Lisa Fenech Pace fost il-ferħ tal-partitarji tagħhom.

Starlites: E. Degiorgio 4, P. Riolo 10, C. Cilia 4, L.M Zammit, Y. Ferrando 2, M Fenech 6, B. Sciberras, K. Gatt, F. Vella, A. Cassar Saguna 2, J. Dabic 10.

Luxol: G. Carabott 2, E. Axisa 14, L. Fenech Pace 12, H. Galea, R. Fenech Pace 2, J. Said, E. Abela, S. Fenech Pace 17, V. Baldacchino 5, S. Sciberras 2, S. Farrugia, A. Fenech Pace.

Referees: Zvezdan Dobrosaviljevic, Miguel De Flavia, Nicky Azzopardi.