Colin Schembri
Caffè Moak Luxol 59
Hibernians 60
(15-19)(10-10)(19-17)(15-14)
Hibernians ħadu l-ewwel post tal-klassifika fi tmiem l-ewwel fażi tal-kampjonat Mapfre Msv Life wara rebħa diffiċli u bilanċjata ta’ 60-59 fuq Caffè Moak Luxol f’partita li baqgħet miftuħa sal-aħħar sekondi. Il-konfront kien wieħed bilanċjat ħafna, b’diversi tibdiliet fil-vantaġġ u differenza minima fil-pussess tal-ballun, iżda Hibs irnexxielhom iżommu kontroll għal ħafna mill-ħin tal-logħba. L-istatistika turi partita bilanċjata, iżda Hibernians kellhom vantaġġ żgħir fir-rebounds u sfruttaw mumenti kruċjali b’run importanti fit-tielet sessjoni. Sacha Lecuyer kienet protagonista b’25 punt inklużi diversi trippli deċiżivi, filwaqt li għal Luxol Olivia Wikstrom (21 punt) u Sarah Fenech Pace (19 punt) kienu l-aktar perikolużi. Intant, illum il-basketball Malti sellem lil Steffi De Martino li ħabbret l-irtirar tagħha wara injury fl-ACL. Tul il-karriera tagħha kienet eżempju ta’ dedikazzjoni u impenn lejn il-logħba fejn il-kontribut tagħha fuq il-court u l-attitudni tagħha jibqgħu mfakkra minn kulħadd. Luxol bdew tajjeb u fetħu b’vantaġġ ta’ 7-2 wara punti ta’ Carabott, Said u Wikstrom. Madankollu Hibernians irrispondew b’żewġ trippli konsekuttivi minn Lecuyer li dawru l-andament u għenuhom jagħlqu l-ewwel sessjoni 19-15 minn fuq. Fit-tieni sessjoni l-logħba baqgħet missielta ħafna, b’Luxol jersqu qrib diversi drabi permezz ta’ Wikstrom, iżda Hibs dejjem sabu tweġiba u żammew vantaġġ żgħir biex daħlu fil-mistrieħ 29-25 minn fuq wara trippla ta’ Lara Micallef.
Fit-tielet sessjoni wasal il-mument deċiżiv tal-partita meta Lecuyer mexxiet run ta’ 11-3 b’serje ta’ trippli li fetħet vantaġġ doppju għal Hibernians 40-28. Luxol però ma qatgħux qalbhom u bdew jirkupraw gradwalment bil-punti ta’ Fenech Pace u Wikstrom f’run ta’ 9-0 biex naqqsu d-distakk għal basket wieħed sat-tmiem tas-sessjoni 44-46. Fl-aħħar sessjoni Luxol anke rnexxielhom imorru minn fuq wara trippla ta’ Vanya Baldacchino u punti konsekuttivi minn Sarah Fenech Pace, iżda Hibs baqgħu kalmi fil-mumenti kruċjali. Trippla ta’ Buhagiar u punti finali ta’ Macleod tawhom il-vantaġġ deċiżiv, u minkejja l-aħħar attentati ta’ Luxol, Hibernians żammew il-vantaġġ minimu sa tmiem
Caffè Moak Luxol: G. Carabott 4, K. Magro, E. Axisa 2, L. Fenech Pace 2, H. Galea, R. Fenech Pace, J. Said 4, E. Abela, S. Fenech Pace 19, O. Wikstrom 21, V. Baldacchino 7, S. Farrugia.
Hibernians: M. Buhagiar 5, L. Micallef 8, E. Jovanovic, I. Agius 2, S. Lecuyer 25, M. Bonett 5, N. Farrugia, H. Macleod 7, J. Diaby 6, K. Sammut 2, V. Dabic.
Referees: Leonardo Silvero, Andre Attard
Athleta 84
Valletta Dream 40
(24-12)(20-10)(16-11)(24-7)
Din kienet l-aħħar logħba tal-istaġun għaż-żewġ timijiet, u Athleta għalquha b’rebħa konvinċenti ta’ 84-40 fuq Valletta Dream f’partita li ddominaw mill-bidu sal-aħħar biex temmew il-kampjonat fil-ħames post. Fost id-differenza fl-istatistika kien hemm il-punti minn turnovers (35 kontra 9), fast breaks (19 kontra 5) u kontribuzzjoni mill-bank (17 kontra 3), li kollha flimkien taw kontroll totali lil Athleta tul il-logħba. Macy Smith kienet protagonista assoluta b’32 punt u prestazzjoni dominanti kemm offensivament kif ukoll fir-rebounds, filwaqt li Kaya Calleja u Nicole Vella wkoll taw kontribut importanti. Għal Valletta, Marie Pollacco kienet l-aktar effettiva b’17-il punt. Athleta bdew b’ritmu qawwi u fetħu vantaġġ kmieni b’run ta’ 9-0, bil-punti ta’ Smith u Vella, u komplew iżidu d-distakk b’azzjonijiet konsekuttivi fiż-żona. Valletta sabu xi tweġibiet minn Pollacco, iżda Athleta xorta għalaqu l-ewwel sessjoni 24-12 minn fuq. Fit-tieni sessjoni Athleta komplew jiddominaw, speċjalment permezz ta’ turnovers li wasslu għal fast breaks faċli. Trippli minn Calleja u azzjonijiet minn Smith kabbru d-distakk għal aktar minn 20 punt, u Athleta daħlu fil-mistrieħ b’vantaġġ komdu ta’ 44-22.
Fit-tielet sessjoni l-andament baqa’ l-istess, b’Athleta jżidu l-vantaġġ b’azzjonijiet kontinwi ta’ Smith u punti minn fast breaks. Minkejja xi risposti minn Pollacco u Mifsud għal Valletta, id-distakk baqa’ jikber u laħaq aktar minn 30 punt. Fl-aħħar sessjoni Athleta komplew jikkontrollaw kollox u saħansitra laħqu vantaġġ massimu ta’ 44 punt. Smith kompliet tispikka b’punti konsekuttivi inklużi trippli, filwaqt li Athleta żammew intensità għolja sal-aħħar biex għalqu l-partita b’rebħa kbira ta’ 84-40.
Athleta: E. Farrugia 2, N. Vella 10, K. Calleja 12, A. Micallef 4, K. Caruana, M. Smith 32, N. Cassar 2, S. Vella 8, K. Abela 2, L. Camilleri 5, L. Farrugia 3, A. Pisani 4.
Valletta Dream: M. Trapani 3, M. Pollaco 17, M. Momcilovic 4, H. Grixti 2, M. Mifsud 10, N. Montalvo 4.
Referees: Florentina Ciurariu, Miguel Pablo De Flavia.
Betsson Depiro 69
Starlites Revive 59
(24-17)(12-17)(17-9)(16-16)
Betsson Depiro kisbu rebħa ta’ 69-59 fuq Starlites Revive f’partita fejn żammew kontroll għal ħafna mill-ħin, speċjalment wara bidu b’saħħtu. Depiro kienu aktar konkreti taħt il-basket b’42 punt fiż-żona u sfruttaw aħjar it-tieni opportunitajiet b’15-il punt, filwaqt li kellhom ukoll aktar impatt fuq turnovers b’22 punt. Depiro tilfu mill-ġdid lil Sophie Abela b’injury waqt it-taħriġ fi staġun sfortunat għaliha filwaqt li Starlites irkupraw lil Philippa Riolo li kienet nieqsa fl-aħħar partita. Wara l-ewwel żewġ baskets tal-partita minn Mikela Riolo u Georgia Haverlock għal Starlites, Depiro wieġbu bi break ta’ 12-0 maqsum bejn Neve Borg, Lovely Sonnier u Julia Borg Xerri. Starlites irrispondew b’basket ta’ Haverlock u trippla ta’ Zammit Cordina però Depiro kellhom żewġ trippli wara xulxin minn Sonnier biex temmew il-perjodu 24-17 minn fuq. Fit-tieni taqsima, Starlites irkupraw b’punti konsekuttivi minn Rebecca Naudi flimkien ma’ trippla ta’ Jasmine Abela u fis-sitt minuta għamlu l-iskor indaqs 28-28. Depiro kellhom sitt punti mingħajr risposta u għalkemm Starlites wieġbu permezz ta’ Julija Dabic u Ylenia Ferrando, kienu Depiro li daħlu jistrieħu fuq quddiem 36-34.
It-tielet taqsima bdiet bil-mod ħafna tant li wara 4 minuti kien hemm biss żewġ free-throws ta’ Starlites. L-ewwel baskets ġew minn Sonnier u Samira Deguara għal Depiro li komplew ukoll bi trippla ta’ Sonnier u fis-seba’ minuta kienu 47-38 minn fuq. Haverlock wieġbet għal Starltites bid-Depiro jagħlqu bil-punti ta’ Deguara u Borg Xerri għal skor ta’ 53-43. L-aħħar taqsima, bdiet bi break qasir ta’ 6-2 minn Depiro. Starlites ippruvaw jirkupraw bi break qasir ta’ 10-3 però l-ħin kien kontra tagħhom u Depiro ikkontrollaw l-aħħar minuti biex rebħu l-partita 69-59. Fis-semifinali Hibs se jilgħabu kontra Starlites filwaqt li Luxol jaffrontaw lil Depiro f’semifinali li mistennija ikunu kumbattuti għall-aħħar.
Betsson Depiro: Y. Mangion, J. Borg Xerri 9, J. Mallia, C. Privitera 5, J. Borg 8, C. Portelli 3, N. Borg 8, L. Sonnier 24, M. Borg, S. Deguara 10, H. Farag 2.
Starlites Revive: Y. Ferrando 2, M. Riolo 5, C. Cilia 2, P. Riolo, M. Zammit Cordina 6, M. Fenech 2, R. Naudi 7, G. Haverlock 21, L.M. Zammit, M. Napoleon 9, J. Abela 3, J. Dabic 2.
Referees: Nestor Rincon, Miguel Pablo De Flavia.
//= $special ?>

