Lokali

“Kontradizzjoni profonda” – Caritas Malta mħassba dwar il-ftehim bejn l-ARUC u l-MFA

Tħassib ta’ Caritas Malta dwar il-ftehim tal-ARUC mal-MFA

Caritas Malta tesprimi tħassib dwar il-ftehim riċenti bejn l-Awtorità għall-Użu Responsabbli tal-Kannabis u l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Futbol.

Caritas Malta tirrikonoxxi bis-sħiħ u tappoġġja l-prinċipju ta’ investiment ta’ fondi pubbliċi għall-Inklużjoni, l-opportunità u l-iżvilupp b’saħħtu tat-tfal u ż-żgħażagħ, partikolarment permezz tal-isport.

Li jiġi ffaċilitat l-aċċess għal attivitajiet strutturati bħal nurseries tal-futbol huwa investiment soċjali importanti u ta’ valur u għan nobbli.

Madankollu, Caritas Malta tesprimi tħassib serju dwar kif dan il-ftehim qed jiġi ppreżentat u dwar l-identità istituzzjonali li fuqha huwa mibni. It-terminu nnifsu “Awtorità għall-Użu Responsabbli tal-Kannabis” huwa diffiċli biex jiġi rrikonċiljat ma’ programmi preventivi u protettivi mmirati lejn it-tfal.

Il-kunċett ta’ “użu responsabbli” fir-rigward talkannabis joħloq ambigwità fil-messaġġ, speċjalment meta jkun marbut ma’ inizjattivi li jinvolvu minorenni.

Din is-sitwazzjoni tirrifletti kontradizzjoni profonda: hija bħall-promozzjoni ta’ edukazzjoni dwar is-sigurtà fit-toroq għat-tfal taħt il-bandiera ta’ istituzzjoni bl-isem “responsible over-speeding”. Bil-mod kif jiġi ppreżentat il-messaġġ jista’ jibgħat mixed message li jdgħajjef l-isforzi ta’ prevenzjoni.

Għaż-żgħażagħ, iċ-ċarezza fil-messaġġi pubbliċi hija essenzjali biex tappoġġja għażliet infurmati u b’saħħithom. Filwaqt li tirrikonoxxi l-intenzjonijiet tajba wara dan il-ftehim, Caritas Malta tisħaq li lAwtorità ma tistax tevita l-implikazzjonijiet tal-isem u tal-mandat tagħha f’kuntest fejn l-użu
tal-kannabis qed jiġi dejjem aktar normalizzat fost it-tfal u ż-żgħażagħ.

Barra minn hekk, Caritas Malta temmen li dan il-ftehim jidher li jonqos mis-sensittività lejn individwi u familji affettwati mill-konsegwenzi negattivi tal-użu tal-kannabis. Ħafna jesprimu magħna l-frustrazzjoni u l-uġigħ dwar kif qed jiġi applikat il-qafas legali, partikolarment fir-rigward ta’ nuqqas ta’ infurzar tal-liġijiet li jipprojbixxu l-konsum tal-kannabis fil-pubbliku u quddiem it-tfal, inkluż f’postijiet bħal playgrounds, kif ukoll in-nuqqas ta’ regolamentazzjoni ċara u effettiva dwar il-bejgħ ta’ prodotti tal-kannabis b’livell baxx ta’ THC li jkomplu jippromwovu l-kannabis u prodotti relatati.

Caritas Malta tħeġġeġ lill-partijiet kollha involuti biex ikunu kawti u responsabbli fil-konsistenza tal-messaġġi ta’ saħħa pubblika speċjalment f’inizjattivi mmirati lejn it-tfal u l-adolexxenti. Huwa essenzjali li ċ-ċarezza fil-prevenzzjoni u l-protezzjoni tal-gruppi vulnerabbli jibqgħu fil-qalba ta’ kull inizjattiva.

Caritas Malta tibqa’ impenjata li tagħti kontribut b’mod kostruttiv fid-djalogu nazzjonali u li tkompli bl-impenn tagħha f’inizjattivi ta’ prevenzjoni u fl-appoġġ lill-individwi u lill-familji affettwati mill-użu ta’ sustanzi, filwaqt li tippromwovi policies li jqgħiedu il-benesseri, ir-responsabbiltà u l-koeżjoni soċjali bħala prijoritajiet