“Il-Ġimgħa Mqaddsa tnissel fina tama – tama li minkejja t-tbatija li ngħaddu minnha lkoll nistgħu nerġu nqumu mill-ġdid”
Sostna dan l-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma, f’messaġġ għal jiem tal-Ġimgħa Mqaddsa – ġimgħa li fiha l-insara jiċċelebraw l-ikbar Festa tal-Knisja; l-Għid il-Kbir.
Bl-Isqof Teuma jisħaq li dawn il-jiem iġiegħlu lil ħafna jirriflettu – b’mod speċjali fuq bosta diffikultajiet tal-ħajja.
Anton Teuma qal li dawn il-jiem, anke jekk ifakkru l-mewt ta’ Ġesu, jistgħu jsaħħuna bit-tama fi kristu għaliex anke wara l-mewta li ġarrab, reġa qam mill-imwiet.
Apparti min hekk l-Isqof t’Għawdex saħaq li f’dawn il-jiem bosta jkunu dawk li jħossuhom iktar qrib Ġesu Kristu – bl-Isqof Teuma jgħid li dawn iż-żminijiet huma wkoll stedina sabiex bosta jersqu lura lejn il-Knisja tiegħu.
Isqof Teuma qal li għall-insara l-Ġimgħa l-Kbira tfisser wkoll ħin sabiex nirriflettu fuq kif Ġesu ġie mkasbar, imsawwat u maqtul – u kif ġie riġettat.
Hu fakkar li dik it-tama li jnissel kristu, tkun tista’ żommna għaddejjin għax nafu li Ġesu, bħal ma ħafer lil dawk li qatluh, jaħfer wkoll lil dawk li jerġgħu jersqu lejh.
Anton Teuma qal li bir-raġun ngħidu li wara t-tbatijiet tagħna hemm it-tama għall-ħajja ta’ dejjem – li offra Ġesu meta miet għalina fuq is-salib.
//= $special ?>
