Lokali

“Malta trid tidħol f’era ġdida fejn is-suċċess ekonomiku u s-serħan il-moħħ jimxu id f’id” – Alex Borg

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista jirrifletti fuq l-10 snin li ġejjin

Minn hawn u għaxar snin oħra rrid nara Malta f’era ġdida, fejn il-progress u t-tkabbir ekonomiku jsiru ħaġa waħda li ċ-ċittadini sa fl-aħħar verament ikunu jistgħu jgħixu mhux biss fuq il-karta imma fi djarhom, fit-toroq, f’saħħithom, fuq il-post tax-xogħol…fis-serħan tal-moħħ. Din hija Malta li nemmen fiha u li nistgħu nibnu flimkien.

Sostna dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg f’artiklu fuq is-sit LovinMalta fejn irrifletta fuq l-għaxar snin li ġejjin u kif se jkunu qed jiddefinixxu lil pajjiżna.

Alex Borg insista li la darba l-poplu jogħġbu jafdah bit-tmun tal-pajjiż bħala Prim Ministru jrid li dan il-perjodu jkun imfakkar bħala wieħed fejn Malta tkun laħqet livell ta’ maturità li filwaqt li nibqgħu ambizzjużi u ekonomikament bħala pajjiż nkomplu nsostnu s-suċċessi…fl-istess waqt il-familji jkunu inqas stressati, inqas ansjużi, u jgħixu f’aktar armonija u ħajja bilanċjata.

Huwa insista li kull amministrazzjoni fil-Gvern tħalli warajha timbru li tgħaġen il-ħajja ta’ dak li jkun fejn tagħti identità soċjali lill-pajjiż.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista saħaq li preżentament diversi persuni jaqblu li l-pajjiż sar diffiċli tgħix fih, bit-traffiku, l-għoli tal-ħajja, u ż-żieda qawwija fil-popolazzjoni. Alex Borg spjega li s-servizzi jeżistu, iżda jieħdu l-ħin, xogħol hawn iżda l-ħaddiem qed iqatta ħafna nqas ħin mal-familja – is-suċċess ekonomiku huwa reali….madanakollu dan qed jiġi akkumpanjat b’iffullar qawwi, stress u nuqqas ta’ serenità.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista għaraf li l-investiment, l-intrapriża, ix-xogħol u l-opportunitajiet huma ferm importanti biex il-pajjiż ma jaqax lura madanakollu insista li issa wasal iż-żmien sabiex il-ħajja tan-nies tingħata l-importanza li tixraqilha wkoll. B’Alex Borg jisħaq li l-prosperità trid tinħass fil-ħajja ta’ kuljum.

Għalhekk huwa spjega li Malta lesta għal bidla fil-mudell ekonomiku, titjib bis-servizz pubbliku, sistema tas-saħħa li tiffoka fuq il-prevenzjoni u l-ħidma sfieqa fil-komunità, aktar bilanċ bejn ix-xogħol u l-familja, u dinjità sħiħa lill-pensjonanti.

Alex Borg insista li ż-żgħażagħ iridu futur li jista’ joffrilhom serħan il-moħħ, li jistgħu jmexxu negozju mingħajr qtigħ il-qalb.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista għamilha ċara li s-snin li ġejjin għandhom ikunu bilanċ bejn mudell ekonomiku li jkompli jsaħħaħ ekonomikament lil pajjiżna…iżda fl-istess waqt inaqqas din l-ansjetà kbira li qed taħkimna bħala poplu.

Dan grazzi għal aktar effiċjenza, għal inqas kwantità imma aktar kwalità.

Għalhekk Alex Borg sostna li fil-ġimgħat u xhur li ġejjin se jkun qiegħed iħabbar numru ta’ proposti li l-Partit Nazzjonalista se jkun qiegħed jimbotta ‘l quddiem, proposti li se jkunu qed jiddefinixxu lil Malta ta’ għada – Malta li fl-10 snin li ġejjin se tibqa’ kompetittiva mingħajr ma titfa l-interessi tal-familji fil-ġenb, li tkompli tinvesti fit-teknoloġija mingħajr ma twarrab lil ħaddiem.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista insista li ninsabu f’salib it-toroq, u li l-pajjiż irid jgħarbel sew id-deċiżjoni li jrid jieħu – sabiex minn hawn u 10 snin oħra meta nħarsu lura nkunu nistgħu ngħarfu l-qabża li verament inkunu għamilna flimkien.