Stanley Zammit
Shadow Minister
għall-Ippjanar u l-Artijiet
Id-delizzji huma parti mill-identità tagħna, mill-mod kif nesprimu ruħna u mill-mod kif ninbnew f’komunità.
F’dawn il-ġimgħat partikolari, fejn il-poplu Malti u Għawdxi jidħol fil-fond tal-esperjenza tal-Ġimgħa Mqaddsa, dan jispikka ħafna. Minn wirjiet artistiċi sa pageants u attivitajiet reliġjużi, dawn kollha huma riflessjoni ta’ kultura ħajja li trid tiġi rispettata, sostnuta u mħarsa.
Id-delizzji jsostnu l-għarfien, isaħħu l-ħiliet u jarrikixxu l-atitudni ta’ dak li jkun. Il-parteċpazzjoni f’attivitajiet bħal dawk relatati ma dan iż-żmien tas-sena jgħinu lil persuna tiftaħ għajnejha mhux biss għall-valur artistiku u spiritwali, iżda wkoll għad-dedikazzjoni enormi ta’ dawk li jagħtu ħinhom volontarjament. Madankollu, ma nistgħux ninjoraw id-diffikultajiet li dawn jiltaqgħu magħhom. Nuqqas ta’ spazji adegwati, spejjeż biex jikru faċlitajiet pubbliċi, bħas-swali tal-iskejjel, dokumentazzjoni u burokrazija żejda, u f’ħafna każijiet nuqqas ta’ għajnuna strutturata jagħmlu dawn l-inizjattivi ħafna aktar diffiċi milli suppost ikunu.
L-istess realtà hija ffaċjata minn persuni b’delizzji differenti fosthom dawk involuti fil-Karnival. Id-dilettanti li jipparteċipaw fil-Karnival u oħrajn, li jagħtu kontribut kulturali kbir, iħossuhom traduti u abbandunati u bir-raġun, Hemm bżonn li mill-kliem ngħaddu għal fatti u nimplimentaw minnufih politika ċara li tirrikonoxxi dawn l-attivitajiet mhux bħala xi ħaġa sekondarja, iżda bħala pilastru kulturali u soċali li jixraqlu investiment serju u mhux id-dilettanti jkollhom jitkarbu għall-għajnunu. Aktar minn hekk, ġaladarba l-Gvern Laburista f’awn l-aħħar 13-il sena naqas li jwettaq dak li wiegħed, Gvern ġdid Nazzjonalista ser ikun qed jilħaq u jisboq l-aspettativi ta’ dawn id-dilettanti.
Meta wieħed iżur wirjiet tal-Ġimgħa Mqaddsa u jitkellem direttament ma’ dawk involuti, joħroġ l-istess messaġġ: hemm bżonn aktar serjetà, aktar koordinazzjoni u aktar rispett lejn dawn id-delizzji. Fost l-aktar problemi komuni hemm il-permessi li jieħdu wisq żmien, regolamenti li mhux dejjem huma ċari, u nuqqas ta’ infrastruttura adegwata. Dawn mhumiex problemi li jeħtieġu kliem sabiħ, iżda azzjoni konkreta.
Il-Partit Nazzjonalista ilu juri li jifhem din ir-realtà. Id-delizzji mhumiex biss tradizzjoni, iżda wkoll opportunità biex jinħolqu spazji ta’ kwalità, biex tiġi mħarsa l-wirt kulturali u biex jiġu msaħħa l-komunitajiet. Għalhekk, hemm bżonn ta’ approċċ ġdid: inqas burokrazija, aktar appoġġ strutturat u minngħajr tkeskis bejn id-delizzji, u politiki li jpoġġu lill persuna u lill-komunità fiċ-ċentru.
Għal ħafna delizzji jenħtieġu snajja’ li qed imutu. Din hija raġuni oħra għaliex il-Partit Nazzjonalista qiegħed iwiegħed li jerġa’ jdaħħal is-snajja fis-sistema edukattiva tagħna.
Dan huwa mod kritiku kif id-delizzji jiġu sostnuti u msaħħaħ.
Min għandu delizzju għandu jkollu l-ispazju kollu neċssarju fejn jesprimi ruħu u mhux ikollu kontinwament jikkumbatti mas-sistema. Jeħtieġ simplifikazzjoni tal-proċessi, investiment fl-infrastruttura, u ħafna aktar kollaborazzjoni bejn il-Gvern, il-kunsilli lokali u l-għaqdiet volontarji. Hekk, verament, inkunu qed nirrikonoxxu u nixprunaw il-valur ekonomiku u soċali ta’ dawn l-attivitajiet.
Pajjiżna jrid jagħżel bejn li japprezza u jsaħħaħ dak li jagħmilna min aħna, jew wieħed li jħalli dawn it-tradizzjonijiet jiddgħajfu bil-mod il-mod. Id-delizzji huma parti minna.
U jekk irridu futur b’saħħtu, irridu nibnu fuq dak li diġà jagħtina identità, sens ta’ komunità u kburija nazzjonali, u nsaħħuħ.
Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 29 ta’ Marzu, 2026.
//= $special ?>

