Opinjoni

Opinjoni: Newtralitá? X’newtralitá!

Il-kwistjoni tan-newtralità tal-pajjiż ilha snin twal tqanqal kontroversja fost il-poplu Malti. Donnu hi kwisjtoni tagħmel snin ma tkunx diskussa imbagħad meta ċ-ċirkostanzi jinqalgħu terġa' tkun diskussa b'mod qawwi

Dione Borg
Kandidat PN,11-il Distrett

Aktar u aktar issa li hawn gwerra fil-Lvant Nofsani u klima internazzjonali instabbli u aktar u aktar li l-pajjiż qed ifakkar is-47 anniversarju tat-tmiem tal-Bażi Militari Ingliża f’Malta fl-1979.
Għal snin twal il-Partit Laburista ipproġetta lilu nnifsu bħala l-partit marbut man-newtralità u n-non-allineament; ipproġetta lilu nnifsu bħala l-paladin ta’ din il-kwistjoni. Il-Partit Laburista għamel minn kollox biex jipproġetta lilu nnifsu bħala l-partit ta’ ‘Malta l-ewwel u qabel kollox’ u li Malta tfisser il-Partit Laburista. Dan meta l-fatti juru xort’oħra!
L-istorja politika turi li l-Partit Laburista dejjem inqabad f’kontroversji kbar meta jiġi biex jitratta l-politika barranija tiegħu. Dan seħħ sa minn qabel l-indipendenza. Il-punt tat-tluq irid ikun; qabel l-Indipendenza miksuba fl-1964, x’kienet il-pożizzjoni tal-PN u tal-PL dwar il-futur ta’ Malta? Minn hemm irridu nitilqu.
Il-pożizzjoni tal-PN dejjem kienet li Malta tikseb indipendenza, tieħu rajha f’idejha u ssir stat sovran. Il-Prim Ministru Ġorġ Borg Oliver kien jemmen bis-sħiħ f’din il-politka u kien konvint li anki jekk Malta m’għandhiex riżorsi naturali jew riżorsi oħra, il-futur kien bħala Stat indipendenti.
Politiku jrid il-kuraġġ biex ikollu din il-fiduċja kollha f’pajjiżu iżda fuq kollox Borg Oliver kellu pjan dwar l-Indipendenza. Borg Olivier ma riedx li l-poplu Malti jgħaddi minn rivoluzzjonijiet biex isir indipendenti; ma riedx li jiġri d-demm biex Malta tikseb l-Indipendenza. Konxju minn dak li seħħ fis-Sette Giungo 1919, Borg Oliver ma riedx li l-istorja terġa’ tirrepeti u jkun hawn l-imwiet.
Għalhekk il-pjan ta’ Borg Oliviet kien li wara r-rebħa elettorali tal-1962, il-Gvern Nazzjonalista jibda diskussjonijiet mal-Gvern Ingliż biex Malta tikseb l-Indipendenza. Kienu diskussjonijiet diffiċli u mhux faċli iżda Borg Olivier kellu r-rieda politika li jikseb l-Indipendenza; u kellu stil partikolari li għenu ħafna biex jikseb dak li ried għall-poplu Malti.
Kuntrarjament għal Mintoff, Borg Olivier kien politiku kawt, matur, li jistenna, ma jgħaġġilx, iħalli lill-avversarju jagħmel l-ewwel pass iżda jkun jaf fejn irid jasal. Fid-diskussjonijiet mal-Gvern Ingliż, Borg Olivier kellu strateġija partikolari li jagħti ċ-ċans lid-diskussjonijiet biex jieħdu ż-żmien tagħhom. Probabbilment, li kien għal Mintoff, dawn in-negozjati kienu jkunu iktar imqanqla u probabbilment ma kienu jwasslu mkien. Fuq kollox Borg Olivier kellu warajh il-prinċipji u l-konsistenza għax kien jemmen fl-Indipendenza ta’ Malta; u warajh kien hemm il-PN kollu.
Mhux l-istess jista’ jingħad għal Mintoff li telaq minn pożizzjoni li post Malta hu fir-Renju Unit. Il-politika ta’ Mintoff u l-PL għall-futur ta’ Malta kienet l-integration fejn il-PL kien għamel kampanji kbar biex jipprova jikkonvinċi lill-elettorat li post Malta hu fir-Renju Unit.
Dan kien ifisser li Malta jkollha rappreżentanza minima fil-parlament Ingliż iżda titlef id-drittijiet kolha tagħha ta’ stat sovran u ma jkollhiex dritt tieħu deċiżjonijiet għaliha nnfisha. L-integration kienet bla dubju twassal ukoll għal battalja politika min-Nazzjonalisti Maltin biex Malta tikseb l-Indipendenza.
Nimmaġinaw pajjiżna llum li kieku għaddiet ta’ Mintoff u tal-Partit Laburista u Malta saret parti mir-Renju Unit. Mhux biss ma konniex insiru Repubblika iżda lanqas konna ntemmu l-kuntratt tal-Bażi Militari Ingliża fl-1979, ma konniex lanqas nissieħbu fl-UE bħala stat indipendenti. Bl-integration, il-poplu Malti kien jitlef id-drittijiet u l-identità tiegħu f’pajjiżu stess.
Fortunatament l-integration li ried Mintoff ma seħħitx u minflokha Gvern Nazzjonalista kiseb l-Indipendena fl-1964 biex b’hekk Malta setgħet mhux biss issir Stat sovran imma setgħet issir Repubblika, ittemm il-Bażi Militari Ingliża u tissieħeb fl-UE. Bl-integration ma kien isir xejn minn dan.
Li kien għall-Partit Laburista lanqas l-Indipedenza ma ġiet. Tant kienu qed jopponu li Malta ssir indipendenti li dakinhar taċ-ċerimonja uffiċjali tal-Indipendenza, Mintoff u grupp ta’ partitarji Laburista marru l-Floriana biex jipprovaw joħolqu konfront mal-eluf fuq eluf ta’ Maltin li nġemgħu fl-Arena tal-Floriana biex isegwu ċ-ċerimonja.
Il-futur ta’ Malta ħa xejra differenti fl-1971 meta Mintoff rebaħ l-elezzjoni ġenerali u allura sab quddiemu pajjiż indipendenti li kien għadu fil-bidu tal-mixja ekonomika u politika tiegħu. Ikun żball li llum niġġudikaw is-sitwazzjoni politika u ekonomika tal-1971 mil-lenti tal-lum. Ir-rebħa elettorali Laburista tal-1971 mill-ewwel dehret li se tkun waħda li se tbiddel id-direzzjoni politika ta’ Malta f’diversi aspetti tagħha. Mintoff ma kienx bħal Borg Olivier; il-prinċipji kienu differenti, l-istil tal-politika kien differenti u t-twemmin kien differenti. Mill-ewwel kien jidher li Mintoff kien se jorjenta l-politika barranija tiegħu lejn relazzjonijiet eqreb ma’ pajjiżi Kommunisti li ma jirrispettawx id-drittijiet fundamentali tal-bniedem. Kien evidenti li Mintoff kien se jressaq lil Malta qrib ħafna tal-Libja mmexxija minn Gaddafi.
Minkejja dan, Mintoff għażel li fl-1974 iġedded il-kuntratt tal-Bażi Militari Ingliża għal ħames snin oħra sal-1979. F’dan il-perjodu, l-importanza strateġika ta’ Malta fil-kuntest militari f’nofs il-Mediterran bdiet tonqos u għalhekk il-kuntest internazzjonali beda jinbidel. Li kieku Mintoff u l-PL kienu verament jemmnu li l-Bażi Militari Ingliża f’Malta kienet ta’ xkiel għan-newtralità, allura l-loġika politika kienet tesiġi li din tintemm mill-ewwel fl-1974. Iżda Mintoff mhux hekk għamel.
Il-Gvern Laburista ta’ Mintoff wara l-1971 sat-tmiem tal-Gvern Laburista ta’ Karmenu Mifsud Bonnici fl-1987 kien newtrali? Kien jemmen verament fin-newtralità? F’dak il-perjodu in-newtralità kienet tintwera bejn l-Unjoni Sovjetika u l-Istati Uniti. L-Ewropa kienet maqsuma bejn pajjiżi kontrollati mill-Unjoni Sovjetika u oħrajn liberi li jappoġġjaw id-demokrazija u l-libertà. Dan kien riżultat ta’ dak li seħħ wara t-Tieni Gwerra Dinjija.
X’kienet il-pożizzjoni li kien jieħu l-Gvern Laburista quddiem din ir-realtà? Filwaqt li saħħaħ dejjem aktar ir-relazzjonijiet politiċi mill-qrib ma’ Gaddafi, il-Gven Laburista kien saħħaħ ukoll ir-relazzjonijiet politiċi ta’ Malta ma’ diversi pajjiżi Kommunisti Ewropej, maċ-Ċina u saħansitra mal-Korea Komunista. L-iskop tat-tisħiħ ta’ dawn ir-relazzjonijiet ma kinux ekonomiċi iżda kienu politiċi għaliex il-Gvern Laburista ried li jqarreb lil Malta lejn it-twemmin politiku imħaddem minn dawn il-pajjiżi.
Tant hu hekk li l-Gvern Laburista beda jdaħħal f’Malta miżuri bl-iskop li jindottrina lill-poplu fosthom billi l-Għarbi kien obbligatorju fl-iskejjel, il-passaporti saru ħodor u f’Malta bdew jinġiebu eluf ta’ ċittadini Libjani u oħrajn minn dawn il-pajjiżi.
Tant l-okkażjoni tat-tmiem tal-Bażi Militari Ingliża f’Malta kienet okkażjoni li ma kisbitx ir-rikonoxximent internazzjonali li tant ried Mintoff, li għall-istess okkażjoni mal-monument fil-Birgu kien Gaddafi biss li attenda minn fost il-gvernijiet kollha mistiedna. Iżda Mintoff ried li, għax ma kienx hu li ġab l-Indipendenza, allura jipprova joħloq okkażjoni simili għal dik li saret fl-Arena tal-Indipendenza fil-Floriana fil-21 ta’ Settembru 1964. Minkejja li pprova jagħmel avveniment simili anki fit-tlugħ tal-banidera Maltija u l-inżul tal-bandiera Ingliża, dan l-avvemiment fil-Birgu kien biss illużjoni għaliex l-Indipendenza veru ta’ Malta inkiseb fl-1964. Fil-verità, wara l-1979 Malta kienet saret il-bejta għall-politiċi Kommunisti li kienu jappoġġjaw lill-Gvern Laburista.
F’dan il-perjodu wkoll Mintoff kien qed jipprova jikseb trattati ta’ ftehim għad-difiża ta’ Malta ma’ diversi pajjiżi oħra, propju għaliex issa kienet intemmet il-Bażi Militari Ingliża f’Malta. Dan ukoll kien falliment ta’ Mintoff fil-politika barranija għaliex permezz tiegħu kien qed juri li xorta kien hemm bżonn ta’ xi forma ta’ għajnuna militari jekk Malta jkollha bżonn. Apparti li Mintoff ma kienx sab appoġġ għall-proposti tiegħu. Iżda fuq kollox, l-aktar li l-Gvern Laburista kien jisħaq fuqha kienet il-mentalità kontra l-Ewropa. Il-Gvern Laburista u Mintoff kienu jiddeskrivu l-Ewropa bħala l-Ewropa ta’ Abela u ta’ Kajjin; l-Ewropa l-ħażina u l-Ewropa t-tajba. Ovvjament għal Mintoff, l-Ewropa l-ħażina kienet dik demokratika u l-Ewropa t-tajba kienet dik Komunista. Tant kien hemm relazzjonijiet mill-qrib bejn il-Gvern Laburista u r-Reġim Komunista tal-Korea ta’ Fuq li fil-perjodu tal-elezzjoni ġenerali tal-1981, il-Gvern Laburista kien saħanistra iffirma tratatt sigriet mal-Korea Komunista biex dawn jibagħtu armi lis-suldati Maltin u jibagġtu suldati Koreani jħarrġu lill-pulizija u suldati Maltin fil-kontroll tal-irvellijiet. Ir-relazzjonijiet bejn Mintoff u Gaddafi kienu kkrollaw meta Mintoff kien beda jħaffer għaż-żejt. Gaddafi kien oġġezzjona għal dan u kien bagħat patrol boats Libjani biex iwaqqfu dan it-tħaffir; kif fil-fatt sar.
Dan kollu juri kemm mhuwiex minnu li l-Partit Laburista kien jemmen fin-newtralità effettiva; għalih in-newtralità kienet mezz biex ikun kontra l-prinċipji tad-demokrazija Ewropea. Fil-fatt, l-oġġezzjoni Laburista għas-sħubija ta’ Malta fl-UE kienet propju ġejja minn din il-pożizzjoni ta’ tant snin.
Meta wieħed jikkunsidra dan kollu fl-isfond tas-sitwazzjoni internazzjonali tal-lum jikkonkludi kemm il-Partit Laburista m’għandux raġun isostni li Malta llum tinsab fil-paċi u mhijiex tiġi attakkata – kif kien Ċipru – għax intemmet il-Bażi Militari fl-1979. Dan l-argument ma jreġix għaliex il-fatti huma li kien il-Gvern Laburista stess li ġedded il-kuntratt ta’ din il-bażi u fuq kollox kien il-Gvern Laburista li ried li Malta mhux biss tibqa’ Bażi Militari iżda ssir parti mir-Renju Unit. Il-verità hi li kienet l-Indipendenza li għamlitna stat sovran, rajh f’idejh u begħiditna minn kull blokk militari.
L-emendi kostituzzjonali li bihom in-newtralità ddaħħlet fil-Kostituzzjoni ma kinux proċess fuq il-bażi tiegħu li l-PL fil-Gvern tant enfażizza fuqu. Fil-fatt il-Gvern Laburista ppropona il-klawsola dwar in-newtralità fil-kostituzzjoni fl-aħħar xhur qabel l-elezzjoni ġenerali tal-1987 flimkien mal-emenda dwar il-maġġoranza. Fir-realtà f’dak il-perjodu l-qofol tal-kriżi politika li kellha Malta kienet ir-riżultat elettorali pervers tal-1981. Kienet poropju din il-kriżi politika ll-qofol tad-diskussjonijiet bejn il-PL u l-PN. Il-kwistjoni tan-newtralità ddaħħlet mill-Gvern Laburista biex ma junx ċeda l-meneda dwar il-maġġoranza; li kienet il-qofol. Li kieku l-PL kien verament jemmen fin-newtralità kien jagħmel diskussjoni nazzjonali dwarha u kienet tidħol fil-Kostituzzjoni fuq il-merti tagħha u mhux bil-mod kif daħlet.
Il-pożizzjoni tal-PN fil-politika barranija f’dawn iż-żminjiet dejjem kienet waħda konsistenti mibinja fuq twemmin fil-valuri u l-prinċipji. Kienet dejjem politika li tpoġġi lill-bniedem fiċ-ċentru tagħha u għalhekk kienet mibnija fuq ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem b’assoċjazzjoni ma’ pajjiżi li jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem. Dan il-prinċipju l-PN dejjem wettqu sa mit-twaqqif tiegħu.
Propju fl-ambjent politiku tal-1979, il-PN kien ħa deċiżjoni li jsaħħaħ ir-relazzjonijiet li kienu diġà nbdew minn Gvernijiet Nazzjonalisti preċedenti billi jiddikjara li post Malta hu fl-UE u għalhekk kien iddikjara li jekk ikun fil-Gvern jibda l-proċess ta’ Malta għal sħubija fl-UE.
Kienet propju din il-politika li tat l-istabbiltà politika meħtieġa lil Malta, mill-Indipendenza sas-sħubija fl-UE. Kien proċess twil però konsistenti mill-PN li fih issaħħet in-newtralità ta’ Malta. Il-PN dejjem emmen f’newtralità ġenwina iżda mhux newtralità passiva.
Pajjiż m’għandux ikun newtrali bejn il-ħażin u t-tajjeb, m’għandux ikun newtrali quddiem invażjoni, quddiem ġenoċidju u quddiem attakki fuq popli innoċenti. In-newtralità trid titħaddem b’mod effettiv u mhux passiv. Kif dejjem kien fil-passat, Il-PN jibqa’ jxaqleb lejn in-naħa tas-sewwa b’pożizzjonijiet effettivi favur il-libertà u d-demokrazija.

Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 29 ta’ Marzu, 2026.