Joe M. Zahra
Eks Editur u Opinjonista
Li kieku kellna Fond għall-Pensjonijiet, li jinkludi anke benefiċċji mhux kontributorji li m’għandhom x’jaqsmu xejn mal-pensjonijiet – kien jibqa’ €293 miljun li jmorru f’fond, fejn il-flus jiġu investiti u hekk ikun hemm iktar x’jitqassam. Illum hemm 24 benefiċċju kontributorju u 32 benefiċċju mhux kontributorju! Sal-1979 kien hemm Fond għall-Pensjonijiet. Dan kien tneħħa mill-gvern ta’ Mintoff u l-flus li jinġabru mill-kontribuzzjonijiet tas-Sigurta’ Soċjali bdew imorru fid-dħul rikorrenti tal-Gvern. Dakinhar kienet daħlet il-pensjoni taż-żewġ terzi.
Dokument tal-Partit Laburista ta’ Awwissu 2004, meta allura kienu fl-Oppożizzjoni, li kien jitkellem dwar ir-reġenerazzjoni ekonomika u soċjali kien jgħid li “is-sisitema preżenti għandha impost limitu ta’ kemm titla’ l-pensjoni. Din il-pensjoni massima li togħla b’żewġ terzi taż-żieda tal-għoli tal-ħajja tlaħħaq taħt il-Lm4,300 (€10,019). Minħabba din il-pensjoni massima f’qasir żmien ħafna nies ser jispiċċaw fuq pensjoni li ma tkunx tkopri żewġ terzi tal-paga li kellhom qabel. Minflok il-ħafna diskorsi fuq il-kriżi finanzjarja li ser tolqot il-gvern, ikun ferm għaqli li niddiskutu l-kriżi finanzjarja li ser jidħlu dawk li jirtiraw wara s-sena 2010.” Kliem sabiħ għall-gallerija! Il-lum il-pensjoni taż-żewġ terzi joħduha biss grupp żgħir ta’ persuni fl-karigi għoljin. Għall-bqija tal-ħaddiema hemm limitu. Il-Gvern issa qed jgħid li ser jgħolli l-ammont tal-pensjoni mhux taxxabbli għal €37,000. Il-Prim Ministru Robert Abela kien qal li l-pensjonanti mhux ser jħallsu ċenteżmu wieħed taxxa fuq dħul li għandhom barra l-pensjoni – sew jekk hux impjieg part-time, u dħul ieħor bħal kirjiet jew investimenti. Stqarrija tal-Gvern stess li tgħid li “d-dħul ieħor (biss) li jkollu pensjonant, se jkun qiegħed jiġi ntaxxat bir-rata normali,” giddbet dak li qal Robert Abela. Min-naħa tiegħu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg wiegħed li fl-ewwel budget ta’ Gvern Nazzjonalista jwettaq mal-pensjonanti dak li ma wettaqx Abela. It-tieni l-inqas nefqa għall-protezzjoni soċjali Lura għall-Fond tal-Pensjonijiet u għaliex għandhom jinġabru f’fond apposta. Tajjeb infakkar li ċifri ppubblikati mill-eurostat, l-uffiċċju tal-istatistika tal-Unjoni Ewropea, juru li fl-2024, fost il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, in-nefqa f’benefiċċji għall-protezzjoni soċjali bħal persentaġġ tal-Prodott Domestiku Gross f’Malta kienet ta’ 13.4 fil-mija. It-tieni l-inqas wara biss l-Irlanda bi 12.4 fil-mija.
Dan ifisser li n-nefqa tagħna hi inqas min-nofs tal-UE li fl-2024 kienet ta’ 27.3. Jirrriżulta wkoll mill-istess ċifri tal-eurostat li flok nitilgħu postijiet qed ninżlu. Fl-2013 in-nefqa f’benefiċċji għall-protezzjoni tas-sigurta’ soċjali kienet 19.2 fil-mija tal-Prodott Domestiku Gross (PDG) fl-istess waqt li dik tal-Unjoni Ewropea kienet ta’ 26.9 fil-mija. Li jfisser li d-differenza kienet ta’ 7.7 fil-mija.
In-nefqa ta’ Malta baqgħet nieżla u nieżla kull sena sakemm fl-2024 kienet ta’ 13.4 fil-mija tal-Prodott Domestiku Gross meta dik tal-Unjoni Ewropea kienet 27.3 fil-mija. Li jfisser li d-distakk kiber għal 13.9 fil-mija, jew iktar mid-doppju. Il-lista ta’ liema infiq jidħol taħt Protezzjoni Soċjali hi waħda twila ħafna u minbarra benefiċċji tas-sigurtà soċjali kontributorji u benefiċċji mhux kontributorji tinkludi sptarijiet u faċilitajiet oħra għall-kura tas-saħħa; familja u benessere soċjali; istituzzjonijiet “non-profit” li jservu l-familji; Appoġġ, Sedqa, Jobplus, sussidji fuq utilitajiet, jiem ta’ mard – nefqa ta’ min iħaddem, benefiċċji għall-enerġija, sussidju fuq nollijiet tal-karrozza tal-linja, sussidju għall-pensjonanti fuq il-vapuri ta’ Għawdex, kura għall-anzjani u diżabili, pensjonijiet tat-Teżor, Skema ta’ rtirar volontarju għall-MDD/MSCL/MSY, ċittadini minn pajjiżi terzi u refuġjati.
Nistaqsi għaliex il-kontribuzzjonijiet kontributorji li għalihom jitħallsu l-kontribuzzjoni ta’ kull xahar mill-ħaddiema għandhom jidħlu ma’ benefiċċji li jinkludu kollox? Ejja għall-forza tal-argument ngħidu li jiġu inklużi s-56 item ta’ benefiċċji li jidhru fit-tabelli 2 u 3 tan-news release dwar in-Nefqa tal-gvern f’Benefiċċji tas-Sigurta’ Soċjali, l-items l-oħra inkluż l-isptarijiet u faċilitajiet oħra għall-kura tas-saħħa għandhom joħorġu mid-dħul mill-income tax u VAT.
Hekk il-flus li jinġbru mill-kontribuzzjonijiet tas-Sigurta Soċjali jinżammu f’fond apposta – Fond tal-Pensjonijiet – li jitħaddem minn entita’ indipendenti magħmula minn rappreżentanti tal-Gvern, Unions u korpi kostitwiti li jkunu huma li jaraw kif jitqassmu l-flus miġbura.
Il-ħaddiem jixraqlu li dak li ħadem għalih jieħdu bi dritt.

Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 29 ta’ Marzu, 2026.
//= $special ?>

