Lokali

Raġel jinżamm taħt arrest wara li kkawża ġrieħi gravi lill-mara tiegħu

Raġel mill-Mellieħa inżamm taħt arrest wara li tressaq il-qorti l-Ħadd filgħodu mixli li kkawża ġrieħi gravi lill-mara tiegħu meta kienu weekend break f’lukanda f’San Pawl il-Baħar.

Ir-raġel li għandu 51 sena, kien mixli quddiem il-Maġistrat Leonard Caruana li fid-29 ta’ Marzu kkaġuna ġrieħi gravi lill-mara u li beżżagħha.

Ir-raġel ċaħad l-akkuzi li nġiebu kontrih u d-difiża talbet li jinħeles mill-arrest imma l-prosekuzzjoni oġġezzjonat għax qalet, fost oħrajn, li għad trid tixhed il-vittma.

Fl-awla il-mara, dehret bi ġrieħi viżibbli fuq għajnejha.

Ir-raġel qal li jaħdem offshore barra minn Malta meta kien mistoqsi x’jaħdem.

Il-Maġistrat Caruana ċaħad it-talba, ħeġġeġ lill-prosekuzzjoni tressaq lill-mara mill-iżjed fis possibbli peress li l-mara lesta toħroġ mir-residenza fejn kienet tgħix mar-raġel waqt li huwa lest jgħix f’residenza oħra u ordna divjett fuq l-ismijiet.

Fl-awla ġie spjegat kif il-koppja marru jixorbu fil-pjazza u l-akkuzat iffissa li kien hemm xi raġel ieħor u beda jgħir. Wara meta rritornaw fil-lukanda staqsiha għall-mobile biex jieħu xi affarijiet minnu.

Il-mara qaltlu li ma kienitx problema imma riedet tara l-mobile tiegħu wkoll u kien hawn li qam diżgwid fejn hija ħasset daqqa fuq għajnejha u ħarġilha d-demm.

Hija marret tagħmel rapport l-għassa fejn kienet riferuta l-poliklinika u mbgħad l-isptar fejn kienet iċċertifikata li sofriet ġrieħi gravi. Il-pulizija bdew ifittxu lir-raġel u peress li ma sabuħx inħareġ mandat ta’ arrest fejn ġie arrestat it-Tnejn.

Il-prosekuzzjoni f’dan il-każ qed titmexxa mill-Avukat Kristina Bartolo mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u l-Ispettur Carlos Cordina waqt li għall-akkużat qed jidher l-Avukat Kris Busietta.