Futbol Sport

Fabio Capello jgħid li l-Italja tinsab f'”luttu sportiv”

Fabio Capello
Fabio Capello

Il-kowċ veteran Taljan Fabio Capello wera diżappunt kbir wara li l-Italja falliet milli tikkwalifika għat-Tazza tad-Dinja tal-2026, u ammetta li wara l-partita ma setax jorqod matul il-lejl, sforz il-weġa’ tal-eliminazzjoni tal-Ażżuri, li fissret it-tielet waħda konsekuttivament.

L-Italja tilfet kontra l-Bożnija u Ħerzegovina bil-penalties wara draw ta’ 1-1 fil-finali tal-play-off, u b’hekk naqset milli tikkwalifika għal darb’oħra għall-finali ta’ edizzjoni tat-Tazza tad-Dinja. L-Italja naqset milli tikkwalifika fl-edizzjonijiet tal-2018 u l-2022 u kif jgħid il-Malti, fuq tlieta toqgħod il-borma, u l-bieraħ l-iskwadra nazzjonali taħt it-tmexxija ta’ Gennaro Gattuso, ġarbet it-tielet umiljazzjoni konsekuttiva meta kienet eliminata fil-partita deċiżva kontra l-Bożnija u Ħerzegovina, f’Żenica.

Barra minn dahrom l-Italja fetħu tajjeb b’gowl wara kwarta logħob skorjat minn Moise Kean, iżda l-logħba inbidlet favur il-Bożnijaċi meta erba’ minuti mit-tmiem tal-ewwel taqsima, Alessandro Bastoni ta’ Inter kien imkeċċi b’ħamra diretta mir-referee tal-logħba, Clement Turpin ta’ Franza. Dan l-episodju wassal sabiex l-Italja kellha tilgħab għall-bqija tal-partita bi plejer anqas iżda b’vantaġġ ta’ gowl. 11-il minuta mit-tmiem tad-90 minuta, Haris Tabakovic li jilgħab ma’ Borrusia Monchengladbach, skorja l-gowl tad-draw u sforza l-ħin barrani. L-iskor baqa’ ma nbidilx u għalhekk il-verdett ta’ min kien se jikkwalifika għall-finali tat-Tazza tad-Dinja, kien se jkun deċiż permezz tal-għoti tal-penalties. Kien hawnhekk fejn il-Bożnija u Ħerzegovina ħarġu l-aħjar tagħhom u rebħu 4-1, b’Francesco Esposito u Bryan Cristante fallew iż-żewġ penalties tal-Italja.

Capello sejjaħ is-sitwazzjoni wara l-elimnazzjioni tal-bieraħ mill-Italja bħala “traġedja sportiva u tal-mistħija” għal pajjiż b’erba’ titli dinjin, u sostna li l-futbol Taljan jinsab f’kriżi strutturali.

Huwa attakka lill-mexxejja tal-federazzjoni talli ħadd ma ħa r-responsabbiltà u talab bidliet urġenti fil-mod kif jitmexxa l-futbol. Capello saħaq fuq il-ħtieġa li jinbena kollox mill-bidu, b’investiment serju fiż-żgħażagħ. Huwa temm jgħid li l-Italja tinsab “f’luttu sportiv” u li trid issib mill-ġdid l-identità tagħha fil-futbol dinji.