Filwaqt li f’Malta qed tikber il-kundanna pubblika dwar l-isponsorship ta’ nurseries tal-futbol mill-Awtorità responsabbli mill-użu tal-kannabis (ARUC), l-istampa internazzjonali qed tirrapporta żviluppi drammatiċi dwar l-effetti serji fuq is-saħħa ta’ min jikkonsma l-cannabis fit-tul.
Rapport pubblikat ilbieraħ fit-Times ta’ Londra jqajjem tħassib ġdid dwar ir-riskji fit-tul marbutin mal-użu regolari tal-kannabis. Skont studji riċenti msemmija fl-artiklu, konsum kontinwu jista’ jwassal għal problemi mentali aktar severi – inkluż żieda fir-riskju ta’ ansjetà kronika, dipressjoni u anke psikożi f’każi estremi.
Esperti mediċi qed isostnu li minkejja li f’ħafna pajjiżi qed ikun normalizzat jew legalizzat, il-perċezzjoni li l-kannabis hi kompletament ‘safe’ hi żbaljata u potenzjalment perikoluża.
Dan l-iżvilupp jasal f’mument sensittiv għal Malta fejn il-kwistjoni tal-kannabis diġà tinsab fiċ-ċentru tad-dibattitu pubbliku. Il-kritika lejn l-ARUC intensifikat ruħha wara li kien żvelat li l-Awtorità kienet involuta f’forma ta’ sponsorship b’risq nurseries tal-futbol tat-tfal u ż-żgħażagħ.
Diversi għaqdiet, entitajiet tas-soċjetà ċivili, ġenituri u esponenti politiċi miż-żewġ partiti ewlenin Maltin, qed jargumentaw li tali rabta tibgħat messaġġ żbaljat lil minorenni u tista’ tikkontribwixxi għan-normalizzazzjoni tas-sustanza li għadha ġġorr magħha riskji serji.
L-artiklu fit-Times tal-Ingilterra iżid dimensjoni ġdida ma’ din id-diskussjoni billi jsaħħaħ l-argument ta’ dawk li qed jitolbu aktar kawtela u regolamentazzjoni stretta. Jidher ċar li, filwaqt li l-politika dwar il-kannabis għadha qed tevolvi, ix-xjenza għadha tikxef impatti li ma jistgħux ikunu injorati.
//= $special ?>

