Lokali

Ftuħ ta’ staġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa għall-Gamiema u s-Summien… il-BirdLife kontra

BirdLife Malta tgħid li l-Kumitat Ornis qed iċedi għall-pressjoni u tkompli tmur għall-agħar il-popolazzjoni tal-Gamiema


BirdLife Malta tikkundanna bil-qawwa r-riżultat tal-aħħar laqgħa tal-Kumitat Ornis, fejn il-maġġoranza għal darb’oħra għażlet li timxi mar-rieda politika minflok tibbaża d-deċiżjonijiet tagħha fuq evidenza xjentifika u l-ħtiġijiet tal-konservazzjoni. Matul il-laqgħa, BirdLife Malta ppreżentat l-aħħar sejbiet tagħha wara l-pubblikazzjoni tar-rapport il-ġdid tal-EU Article 12 aktar kmieni din is-sena.

Din id-data tikkonferma b’mod ċar tnaqqis kontinwu fil-popolazzjoni tal-Gamiema, u ssaħħaħ it-tħassib li BirdLife Malta ilha tesprimi għal snin twal, speċjalment minn meta tneħħa l-moratorju fuq il-kaċċa ta’ din l-ispeċi. Minkejja s-sinifikat ta’ din id-data ġdida, il-Wild Birds Regulation Unit (WBRU) għażel li jinjoraha fuq il-bażi li għadha teħtieġ verifika fil-livell tal-UE.

BirdLife Malta ċaħdet b’mod qawwi dan l-argument, u enfasizzat li d-data xorta hija indikattiva ħafna u li, skont il-prinċipju ta’ prekawzjoni, kellha twassal biex din is-sena ma jinfetaħx staġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa għall-Gamiema. Il-proposta biex jerġa’ jiddaħħal moratorju fuq il-kaċċa fir-rebbiegħa tal-Gamiema ġiet miċħuda, b’erba’ voti kontra, vot wieħed favur (BirdLife Malta), filwaqt li l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) astjeniet.

F’kumment dwar dan ir-riżultat, il-Kap Eżekuttiv ta’ BirdLife Malta Mark Sultana qal: “L-astensjoni tal-ERA għal darb’oħra turi n-nuqqas ta’ saħħa tal-awtorità biex tħares ir-riżorsi naturali tagħna meta tiffaċċja pressjoni politika li tmur kontra dan. BirdLife Malta ma tifhimx kif xjenzat jista’ ma jħaddanx il-prinċipju ta’ prekawzjoni; filwaqt li l-ERA ma qablitx li jinfetaħ staġun, xorta għażlet li tibqa’ newtrali – pożizzjoni li turi nuqqas ta’ kuraġġ fi żmien meta l-kuraġġ biex nipproteġu n-natura huwa essenzjali. Wara din id-deċiżjoni, Malta dalwaqt tibda tħares lura u tirrealizza l-iżball gravi u l-illegalità li qed twettaq billi tippermetti li l-Gamiema tinqatel fir-rebbiegħa. L-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa għandu data ta’ skadenza, u dak iż-żmien huwa issa.”

Il-kumitat approva wkoll il-ftuħ ta’ staġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa għall-Gamiema u s-Summien kif propost mill-FKNK, b’BirdLife Malta tkun l-unika vuċi kontra. BirdLife Malta tinnota wkoll bi tħassib li rapporti u dokumenti importanti ntbagħtu lill-membri tal-kumitat ftit sigħat biss qabel bdiet il-laqgħa, fatt li jqajjem mistoqsijiet serji dwar it-trasparenza, il-proċess ġust u r-rispett lejn teħid ta’ deċiżjonijiet infurmati. Din id-deċiżjoni terġa’ tenfasizza mudell inkwetanti fi ħdan il-Kumitat Ornis, fejn konsiderazzjonijiet politiċi qed jipprevalu fuq l-evidenza xjentifika, għad-detriment tal-wirt naturali ta’ Malta.

BirdLife Malta terġa’ ssejjaħ biex id-deċiżjonijiet dwar il-ħajja selvaġġa jkunu mmexxija mix-xjenza, it-trasparenza u l-prinċipju ta’ prekawzjoni, b’mod partikolari meta jittrattaw speċi li qed juru tnaqqis ċar bħall-Gamiema.