Edukazzjoni Lokali

“Huwa sabiħ li tara d-dedikazzjoni tal-istudenti biex jibnu karozza” – Alex Borg

Ritratt: Catriel Farrugia Sghendo

“Huwa sabiħ li tara d-dedikazzjoni tal-istudenti biex jibnu karozza mill-bidu. U dan jagħti tama lill-futur ta’ pajjiżna.”

Dan kien il-messaġġ li wassal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg fi żjara li għamel waqt l-open day tal-għaqda UM Racing fejn l-istudenti preżenti spjegaw il-preparamenti meħtieġa sabiex jibnu karozza mill-bidu nett.

Ritratt: Catriel Farrugia Sghendo

Din is-sena, l-istudenti qed jibnu karozza tal-elettriku sabiex itellqu biha barra minn xtutna fi ftit tax-xhur oħra. Dan apparti l-fatt li proġett bħal dan jirrikjedi ħafna ħin kif ukoll testijiet sabiex jaċċertaw li l-karozza tkun magħmula kif suppost.

Matul din l-iżjara l-istudenti urew il-karozza li qed jaħdmu fuqha filwaqt li spjegaw lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista l-komponenti differenti ta’ din il-karozza li hija magħmula kompletament mill-istudenti.

F’kummenti ma’ Net News, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg qal li bi proġetti bħal dawn tara l-futur sabiħ li għandhom l-istudenti li propju qed jikkreaw prodott lokali.

Net News tkellem ukoll mal-President tal-UM Racing Matthias Zammit li qal li din l-għaqda għandha studenti minn fakultajiet varji; saħansitra hemm studenti li qed jistudjaw il-kors tal-liġi kif ukoll tal-farmaċewtika.

Intant, għal din iż-żjara l-Kap tal-Partit Nazzjonalista kien akkumpanjat mix-Shadow Ministers Ryan Callus, Mark Anthony Sammut, Rebekah Borg, Stanley Zammit, Justin Schembri u Bernice Bonello.

Ritratt: Catriel Farrugia Sghendo