Internazzjonali Lokali

Il-kantant AIDAN b’suċċess kbir fl-Awstralja

Ir-rappreżentant Malti għall-Eurovision, AIDAN, għadu kemm temm żjara fl-Awstralja fejn f’temp ta’ 48 siegħa ta xejn inqas minn erba’ wirjiet live.

Matul din iż-żjara, AIDAN kiteb l-istorja –  b’debutt fuq it-televiżjoni Awstraljana bħala mistieden fuq il-programm popolari Today Extra fuq Channel 9 fejn stqarr li l-udjenza fl-Awtralja kienet waħda mill-isbaħ.

Waqt il-programm, hu ġie ppreżentat bħala “l-akbar pop star ta’ Malta” u kellu l-opportunità jippromwovi l-kanzunetta tal-Eurovision 2026, Bella, kif ukoll l-album il-ġdid tiegħu, Cowboys Don’t Cry, madwar il-kontinent kollu.

Din kienet stedina sinifikanti ħafna, hekk kif fuq dan l-istess programm dehru wħud mill-akbar stilel fid-dinja, fosthom Niall Horan, Charlie Puth, Margot Robbie, Jacob Elordi, u Cillian Murphy.

Bħala parti mit-tour tiegħu, AIDAN sar l-ewwel artist tal-Eurovision li qatt inkluda l-Awstralja bħala waqfa uffiċjali; fatt li kompla jsaħħaħ ir-rabta bejn il-festival u s-segwaċi numerużi f’dan il-pajjiż.

Matul il-vjaġġ tiegħu, hu kanta f’Melbourne u f’Sydney, fejn ingħata merħba mill-aqwa mill-komunitajiet Maltin li jgħixu hemmhekk.

F’Melbourne, huwa ltaqa’ mal-partitarji fil-klabb ikoniku ta’ George Cross u fl-attività tal-Eurovision Fan Club, filwaqt li f’Sydney kanta fil-La Valette Social Club f’Blacktown u f’avveniment ieħor kbir tal-Eurovision.

Permezz ta’ din iż-żjara, AIDAN mhux biss kanta għall-Maltin tal-Awstralja iżda kompla jibni l-fama tiegħu fuq il-palk internazzjonali b’wirjiet memorabbli, li diġa’ inkludew tour promozzjonali internazzjonali fl-Iżvezja, fil-Litwanja, il-Greċja, il-Bulgarija, l-Albanija u San Marino.