“Il-Partit Nazzjonalista kommess li jkompli jgħin lir-raħħala Maltin u Għawdxin kif ukoll li jagħti kull appoġġ possibbli lill-Koperattivi li joffru prodotti ta’ kwalità.”
Dan kien il-messaġġ li wassal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg waqt żjara li kellu għand il-Koperattiva tal-Produtturi tal-Ħalib l-Erbgħa filgħodu fejn ra l-ħidma li ssir jum wara l-ieħor.




Matul din iż-żjara Alex Borg iltaqa’ mat-tmexxija ta’ din il-Koperattiva kif ukoll mal-kumplament tal-ħaddiema li lkoll spjegaw il-ħidma tagħhom. Dan apparti li tkellmu fuq l-isfidi li qed jaffaċċjaw – fosthom kaġun tas-sitwazzjoni ġeo-politika, il-maltemp, u l-fatt li qed jesperjenzaw dewmien fl-importazzjoni tal-materjal.
Huma spjegaw ukoll it-tipi differenti ta’ prodotti li joffru kif ukoll għal liema annimali jiġu offruti dawn il-prodotti.


F’kummenti ma’ Net News, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista tkellem dwar l-importanza tas-settur agrikolu f’pajjiżna u l-bżonn li r-raħħala jingħataw l-għajnuna kollha possibbli sabiex ikunu jistgħu jkomplu bil-ħidma tagħhom b’mod effiċjenti.

Net News tkellem ukoll mal-Kap Eżekuttiv tal-Koperattiva tal-Produtturi tal-Ħalib fejn qalilna li l-Koperattiva għandha rwol importanti ħafna fuq livell nazzjonali; dan apparti li tgħin ukoll lill-membri tagħha.

Għal din iż-żjara, Alex Borg kien akkumpanjat mix-Shadow Minister Toni Bezzina kif ukoll mill-Kandidat f’isem il-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni ġenerali li jmiss George Muscat.




