Fl-ewwel jum ta’ April kulħadd ikun aktar kawt dwar x’għandu jemmen u x’ma għandux jemmen, hekk kif id-drawwa għal ħafna snin kienet illi l-ewwel ġurnata ta’ April tkun ġurnata ta’ ċajt – April Fools.
Huma bosta l-ispekulazzjonijiet dwar kif bdiet din il-ġurnata, b’persuni jgħidu li bdiet fi Franza minħabba t-tibdil fil-kalendarju u min jgħid li għandha x’taqsam mal-bidliet fit-temp bejn ix-Xitwa u r-Rebbiegħa.
L-istorja tmur lura snin twal fejn dawk li jgħidu li din bdiet fi Franza, jispjegaw li kien propju r-Re Charles IX fis-sena 1564, li kien iddikjara li l-bidu tas-sena l-ġdida ma tibqax tiġi kkalkulata skont l-Għid, iżda propju fl-ewwel jum ta’ Jannar.
Dan minħabba li l-Għid kienet ġurnata dipendenti fuq il-qamar u għaldaqstant ma għandhiex data fissa.
Minkejja dan, kien hemm persuni li baqgħu jikkalkulaw il-bidu tas-sena l-ġdida mal-Għid fix-xahar ta’ April. Għalhekk kienu jissejjħu “April Fools”.
Bosta artikli internazzjonali jispjegaw ukoll li kienu bosta li jabbinaw din il-ġurnata mal-bidliet li kienu jsiru fi żmien qasir fit-temp, bejn ix-Xitwa u r-Rebbiegħa. Bidla li kienet tqarraq bil-poplu, u għalhekk kienu April fools.
Illum il-ġurnata, il-jum tal-ewwel ta’ April hija abbinata ma’ jum ta’ ċajt, li fih anke jipparteċipaw l-akbar stazzjonijiet tal-aħbarijiet, kemm internazzjonali u anke lokali.
//= $special ?>

