Jerome Caruana Cilia, PN
L-eżami li jmiss tal-MONEYVAL determinanti għall-futur tas-settur finanzjarju – Jerome Caruana Cilia
L-eżami li jmiss tal-MONEYVAL, li jeżamina l-ħila ta’ pajjiż li jiġġieled il-kriminalità finanzjarja, mistenni għall-2028, huwa fundamentali għall-futur tal-industrija finanzarja u l-ekonomija ta’ pajjiżna. Dan qalu x-Shadow Minister Nazzjonalista għall-Ekonomija u l-Intrapriża Jerome Caruana Cilia waqt diskussjoni fil-Parlament dwar Abbozz ta’ liġi li jemenda l-Att dwar l-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta, l-MFSA.
“Pajjiżna ma jeffordjax li jerġa’ jiġi grey-listed, kif ġara għall-ewwel darba ftit tas-snin ilu. Il-futur ta’ din l-industrija tiddependi mis-suċċess f’dan l-eżami”, wissa’ d-Deputat Nazzjonalista. Huwa faħħar il-ħidma tan- National Coordinating Committee on Combating Money Laundering and Funding of Terrorism, li għaddej b’ħidma sfiqa f’dan is-sens, inkluż b’kollaborazzjoni ma’ stakeholders mis-settur kollu.
Id-deputat Caruana Cilia żied jgħid li filwaqt jidher biċ-ċar li l-awtoritajiet regolatorji u s-settur privat huma impenjati bis-sħiħ biex Malta tgħaddi bisaħħa minn dan l-eżami, huwa wissa biex ma tkunx proprju l-klassi politika li titfa’ dell ikrah fuq pajjiżna. Huwa fakkar kif fit-2025 Corruption Perceptions Index (CPI), li ġie ppubblikat fi Frar li għadda, Malta kisbet punteġġ ta’ 49 minn 100, tliet punti aħjar mill-punteġġ tas-sena ta’ qabel li kienet l-aktar wieħed baxx.
“Ma naffordjawx ebda pass falz ieħor. U ċertament ma jgħinx li niġu f’din il-Kamra, bi proposti li flok isaħħu l-ġustizzja, il-governanza u t-trasparenza, pjuttost indgħajjfuhom”. Huwa qal dan b’referenza għall-proposti tal-Gvern biex jiddgħajjfu r-r-responsabbiltajiet fejn jidħlu dikjarazzjonijiet tal-assi tal-Prim Ministru u tal-Ministri, u l-imsieħba tagħhom, fost oħrajn.
Jerome Caruana Cilia tkellem ukoll dwar l-isfida kbira ta’ nuqqas ta’ riżorsi li qed taħkem lil dan is-settur li tiġi jimpjega aktar minn 5% ta’ dawk li jaħdmu f’pajjiżna. F’dan il-kuntest, huwa kellu kritika għall-fatt li l-filwaqt li l-Gvern irid ikabbar dan is-settur, ma ħasibx biżżejjed għal dan. Huwa appella biex ikun hemm strateġija koordinata biex jitħarreġ u jinżamm it-talent f’dan is-settur.
Huwa esprima apprezzament tiegħu għat-tħabbira ta’ stħarriġ nazzjonali dwar it-talent li hemm u dak li hemm nieqes fis-settur, imniedi mill-Malta Financial Services Advisory Council.
“Dan għadu biss il-bidu u rridu niżguraw li jkun hemm koordinazzjoni aħjar, bejn l-entitajiet kollha involuti, inkluż in-National Skills Council u l-awtoritajiet edukattivi. Hemm bżonn ukoll alignment aħjar bejn l-entitajiet u l-Ministeri tal-Gvern stess”.
Matul id-diskors tiegħu huwa ta’ ħarsa lejn ir-riformi li qed iġib miegħu dan l-Att, li għandhom l-għan li jsaħħu l-indipendenza u l-awtonomija tal-MFSA u t-tisħiħ tat-tribunal finanzjarju. Fakkar kif l-Oppożizzjoni Nazzjonalista tkellmet regolarment dwar il-bżonn ta’ dan, u anke ressqet numru ta’ punti u rimarki fid-diskussjonijiet kemm mal-Gvern kif ukoll mal-uffiċjali tal-istess Awtorità. F’dan il-kuntest, ix-Shadow Minister Nazzjonalista qal li l-Oppożizzjoni, se tkunu qed tivvota favur dan l-abbozz ta’ liġi.
//= $special ?>

