Suċċess internazzjonali kbir għall-artist Malti Malcolm Pisani li rebaħ żewġ premjijiet prestiġjużi fil-European International Music Awards (EIMA 2026).
Is-single popolari ta’ Pisani “I Found You” ġiet ippremjata bħala l-Aħjar Kanzunetta Pop Dance, fejn kisbet midalja tad-deheb, filwaqt li l-video uffiċjali tal-istess kanzunetta rebaħ il-premju għall-Aħjar Video Mużikali Pop Dance, u kiseb midalja tal-fidda. Din ir-rikonoxxenza doppja tenfasizza mhux biss l-impatt mużikali tal-kanzunetta, iżda wkoll l-istorja viżiva qawwija tagħha.
Pisani qal li jħossu “verament bla kliem u profondament onorat,” u saħaq li dan is-suċċess mhux biss personali, iżda wkoll mument ta’ kburija għal Malta u x-xena mużikali tagħha.
L-artist qasam il-ferħ tiegħu li kanzunetta tant għal qalbu laħqet lill-udjenzi lil hinn minn Malta, u b’hekk timmarka pass importanti fil-karriera internazzjonali tiegħu.
Pisani rringrazzja wkoll minn qalbu lil dawk kollha li appoġġjawh tul it-triq, inkluż it-tim tiegħu, is-sieħba tiegħu Kim, il-familja, il-ħbieb u s-segwaċi fost oħrajn.
Dan is-suċċess riċenti jkompli jsaħħaħ il-pożizzjoni ta’ Malcolm Pisani bħala artist Malti li qed jagħmel isem għalih fuq livell internazzjonali.
//= $special ?>

