Lokali

“Mar jippoppa sidru” filwaqt li l-pazjenti qed jitħallew jistennew

L-attakki kontinwi mill-eks uffiċjal ta’ Kastilja Neville Gafa mhuma qed jaqtgħu xejn. U kien imiss issa lill-Ministru tas-Saħħa JoEtienne Abela li spiċċa fil-mira ta’ attakk minn Neville Gafa.

Fi blog li ppubblika online, l-esponent Laburista li kien ingħata job f’Kastilja mill-Prim Ministru Robert Abela iżda spiċċa tqaċċat, fetaħ attakk fuq JoEtienne Abela, fejn fi kliemu spjega illi “filwaqt li l-Ministru mar jippoppa sidru quddiem il-cameras, mijiet ta’ ċittadini Maltin qed jirċievu appuntament mill-Isptar għal Frar 2027”. Xi ħaġa li Net News jista’ jikkonfermaha b’mod indiependenti.

Fil-kitba tiegħu, Nevile Gafa qal li, skont hu, Jum il-31 ta’ Marzu huwa jum li jiġu ċċelebrati fih numru ta’ salvagwardji – fosthom fl-edukazzjoni u s-saħħa.

U filwaqt li JoEtienne Abela mar “jippoppa sidru”, anzjani li lanqas jifilħu jagħmlu pass qed jirċievu appuntament għall-clinics tal-isptar Mater Dei għal Frar tas-sena 2027.

Fl-aħħar jiem, Neville Gafà, fetaħ attakk fuq numru ta’ Ministri tal-Kabinett ta’ Robert Abela saħanistra anke fuq kandidati prospettivi tal-Partit Laburista għall-elezzjoni ġenerali li jmiss.

Fejn propju ftit tal-ġimgħat ilu ddikjara anke li l-Partit Laburista jeħtieġ “new thinking” fejn tidħol il-komunikazzjoni tal-Partit; attakk ċar lejn il-Kap tal-Komunikazzjoni tal-Labour Norma Saliba. Tant hu hekk, li Gafà ddikjara li dan it-tgergir jgħiduh id-delegati, uffiċjali, membri tal-Kabinett u membri Parlamentari. Iżda – skont hu – ħadd m’għandu l-ħila jitkellem fl-apert.