Lokali Temp

Nhar Ħadd il-Għid mistennija tirritorna x-xemx

Hekk kif f’dawn il-jiem Malta tieqaf biex tiċċelebra l-qofol tal-Ġimgħa Mqaddsa, it-temp instabbli li qed jikkaratterizza ċ-ċentru tal-Mediterran mistenni jippersisti fuq il-Gżejjer Maltin, partikolarment sa jum il-Ġimgħa l-Kbira.

F’jum Ħamis ix-Xirka mistenni jiddomina temp imsaħħab, bil-possibbilità, matul il-ġurnata kollha, ta’ ħalbiet tax-xita li jistgħu jkunu bir-ragħad. Ir-riħ lanqas mhu se jkun ħanin. Ir-riħ mill-Punent Majjistru, mistenni jkompli jitqawwa biex sal-Ħamis filgħodu jilħaq qawwa ta’ Forza 5 għal 6 u jibqa’ jiżdied għal Forza 6 aktar tard matul il-jum.

It-twissijiet li l-Uffiċċju Meteoroloġiku għandu bħalissa fis-seħħ, kemm minħabba rriħ u anke l-ħalbiet tax-xita li jistgħu jkunu qawwija u bis-silġ, jistgħu jiġġeddu ankematul il-ġurnata ta’ għada.
Ħamis ix-Xirka se jkun ukoll l-aktar jum kiesaħ ta’ dawn il-jiem, bl-ogħla temperatura tilħaq l-14°C u tinżel għal 10°C matul il-lejl. Madanakollu, ir-riħ qawwi jaf jagħmel dawn it-temperaturi jinħassu inqas, speċjalment filgħaxija meta bosta jkunu qed jagħmlu s-Seba’ Visti.


Jum il-Ġimgħa l-Kbira mistenni jkun ikkaratterizzat minn temp tipiku għal dan iż-żmien, jiġifieri temp mirjieħ u imxarrab li jaf joffri sfida lill-organizzaturi talpurċissjonijiet. Anke jekk il-kundizzjoni tat-temp mistennija tkun xi ftit aħjar minn dik ta’ Ħamis ix-Xirka, ħalbiet iżolati tax-xita huma possibbli matul il-ġurnata kollha, partikolarment filgħodu u waranofsinhar. Ir-riħ se jibqa’ ftit qawwi għal qawwi
(Forza 5-6) mill-Punent Majjistru u jonqos għal Forza 5 tard waranofsinhar. Matul iljum, it-temperatura mhux mistennija taqbeż is-16°C, filwaqt li filgħaxija se tinżel għal 11°C.

It-temp jibda jaqleb għall-aħjar minn Sibt il-Għid. Anke jekk dakinhar huma mistennija ħalbiet iżolati tax-xita, ir-riħ mistenni jnaqqas drastikament mill-qawwa tiegħu, iżda jibqa’ kiesaħ hekk kif idur mill-Majjistral.

It-tbassir sa issa jindika li Ħadd il-Għid jaf terġa’ tfeġġ ix-xemx, aħbar tajba għal dawk il-parroċċi li jorganizzaw il-purċissjonijiet u l-ġirjiet tradizzjonali tal-Irxoxt. Ittbassir sa issa qed jindika temp ftit imsaħħab u b’riħ ħafif mill-Majjistral. L-ogħla temperatura għal Ħadd il-Għid mistennija titla’ sa 16°C u tinżel għal 11°C matul illejl.