Opinjoni

Opinjoni: Ġimgħa ta’ riflessjoni

L-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi jbierek il-wirja bl-isem GĦOTJA esebita fil-Kappella tal-Lunzjata fi Triq it-Tliet Knejjes f’Ħal Balzan
Il-wirjiet fil-knejjes, fil-każini u d-djar privati juru xeni mill-passjoni ta’ Kristu li jħallu impressjoni fuq kull min iżurhom, b’tentattiv li jwasslu messaġġ li din l-akbar ġrajja liturġiku għadha sal-lum relevanti

Justin Schembri
Shadow Minister għall-Edukazzjoni

Huwa fatt li diffiċli jiġi miċħud li l-Ġimgħa Mqaddsa tibqa’ l-aktar żmien sinifikanti fil-kalendarju reliġjuż u kulturali tal-poplu Malti. Ġimgħa li għandha konnessjonijiet qawwijin mal-passat devot tagħna bħala Nsara, b’fidi li tmur lura eluf ta’ snin.
Minkejja li llum id-dinja hija mgħaġġla, dan huwa żmien li għandu jqarribna aktar lejn il-qofol tal-fidi Nisranija, iżda wkoll joffri spazju għal riflessjoni personali u kollettiva, fejn il-komunitajiet jingħaqdu f’esperjenza komuni ta’ devozzjoni u tradizzjoni. Minn Ħadd il-Palm sal-Għid il-Kbir, is-soċjetà Maltija tgħix mumenti intensi li jgħaqqdu l-passat mal-preżent u dan jorbot dak li fuqu twaqqfet il-Knisja tagħna mat-twemmin tal-lum.

Atmosfera unika
Kull sena, dan iż-żmien iġib miegħu atmosfera unika li tinħass f’kull rokna tal-gżejjer tagħna – hemm irħula li jispikkaw minn oħrajn, iżda lkoll iħarsu lejn dan il-perjodu b’tant devozzjoni.
Il-knejjes jinbidlu f’postijiet ta’ silenzju u meditazzjoni, filwaqt li t-toroq jimtlew b’attivitajiet reliġjużi (u saħansitra kulturali) li juru kemm dawn it-tradizzjonijiet għadhom ħajjin u jagħmlu sehem mill-ħajja Nisranija li ngħixu.
Għal ħafna, il-Ġimgħa Mqaddsa mhijiex biss rutina annwali, iżda opportunità biex wieħed jerġa’ jiskopri s-sens tal-fidi u l-valuri li jsawru l-identità tagħna bħala poplu.
Nagħmel referenza għal diskors qasir li għamel il-Kappillan ta’ Ħal Balzan, Dun Karm Farrugia – waqt l-inawgurazzjoni tal-wirja mtellgħa fil-Kappelli tal-Lunzjata u ta’ Santu Rokku minn għaqda żagħżugħa ‘Marija Annunzjata u Ħal Balzan’ – fejn fisser tajjeb li l-preparamenti u l-ħidma għall-attivitajiet, huma stess minflok ma jservu ta’ riflessjoni, ibegħduna mid-devozzjoni tal-Ġimgħa Mqaddsa għaliex ma nfittxux is-sinifikat veru u propju f’dan kollu li jittella’.
Mela, l-importanza reliġjuża ta’ din il-ġimgħa għandha tibqa’ ċċentrata mal-ġrajjiet tal-aħħar jiem tal-ħajja ta’ Ġesù Kristu – mill-Aħħar Ċena sal-passjoni, il-mewt u l-qawmien – li għandhom jitfakkru b’serjetà u bi qdusija li jiddistingwu dan iż-żmien minn kull ieħor anke fil-kalendarju liturġiku stess.
Għal ħafna Maltin, dan huwa perjodu ta’ talb, sawm u penitenza, fejn wieħed jieqaf mill-ġirja tal-ħajja ta’ kuljum biex jiffoka fuq dak li hu tassew profond għan-nisrani. Din ir-riflessjoni twassal ukoll għal sens ta’ tiġdid spiritwali li jilħaq il-qofol tiegħu fil-ferħ tal-Għid li jiġi ċelebrat b’ewforija ġustifikata.

Mhux esperjenza reliġjuża biss
Madankollu, il-Ġimgħa Mqaddsa mhijiex biss esperjenza reliġjuża, iżda wkoll manifestazzjoni qawwija tal-wirt kulturali, sagru u artistiku tagħna. Il-purċissjonijiet tal-Ġimgħa l-Kbira, bl-istatwi maħduma b’dedikazzjoni kbira u l-kostumi Bibliċi dettaljati, huma xhieda tal-ħila u l-passjoni tal-Maltin lejn ix-xogħol tal-idejn.
Il-wirjiet fil-knejjes, fil-każini u d-djar privati juru xeni mill-passjoni ta’ Kristu b’reqqa u kreattività li jħallu impressjoni fuq kull min iżurhom, b’tentattiv li jwasslu messaġġ li din l-akbar ġrajja liturġiku għadha sal-lum relevanti. Dawn l-espressjonijiet artistiċi mhux biss iżommu ħajjin tradizzjonijiet antiki, iżda jservu wkoll bħala mezz ta’ edukazzjoni u jittrażmettu l-valuri lill-ġenerazzjonijiet il-ġodda.
Aspett ieħor li jagħmel din il-ġimgħa speċjali huwa l-parteċipazzjoni komunitarja. F’kull lokalità, naraw nies ta’ kull età jingħaqdu biex jorganizzaw u jieħdu sehem f’attivitajiet differenti. Il-voluntiera jqattgħu sigħat twal jippreparaw il-purċissjonijiet, iżejnu l-knejjes u jikkordinaw avvenimenti esterni u interni. Il-fratellanzi, il-baned u l-gruppi reliġjużi kollha jżommu r-rwol importanti tagħhom biex jiżguraw li dawn it-tradizzjonijiet jibqgħu jsiru b’dinjità u rispett lejn il-ġrajja reliġjuża. Din il-kollaborazzjoni ssaħħaħ is-sens ta’ komunità u solidarjetà, li huwa tant meħtieġ fis-soċjetà tal-lum li mhux dejjem ikollha għan speċifiku wara xiex timxi.

Tradizzjonijiet kulinarji u valur turistiku
Ma nistgħux ninsew lanqas it-tradizzjonijiet kulinarji li jakkumpanjaw dan iż-żmien. Il-kċina Maltija toffri firxa ta’ platti marbuta mal-Ġimgħa Mqaddsa, li ħafna minnhom għandhom tifsira simbolika. Il-qagħaq tal-appostli, il-figolli, l-isfineġ, il-karamelli, il-kwareżimal u platti tas-sawm bħall-ħut, il-qaqoċċ u l-ħxejjex huma parti integrali minn din l-esperjenza.
Dawn ir-riċetti, li ħafna drabi jgħaddu minn ġenerazzjoni għal oħra, mhux biss iżommu ħajjin it-togħmiet tradizzjonali, iżda wkoll isaħħu r-rabtiet familjari hekk kif in-nies jinġabru flimkien biex jippreparaw u jaqsmu l-ikel.
Importanti wkoll li nsemmu kif il-Ġimgħa Mqaddsa għandha valur edukattiv u turistiku. Ħafna żgħażagħ jitgħallmu dwar l-istorja u t-tradizzjonijiet tagħhom permezz tal-parteċipazzjoni diretta jew xort’oħra f’dawn l-attivitajiet. Fl-istess ħin, numru dejjem jikber ta’ turisti jżuru Malta f’dan iż-żmien biex jesperjenzaw dawn il-manifestazzjonijiet uniċi. Dan mhux biss isaħħaħ l-ekonomija, iżda wkoll jagħti opportunità biex nippromwovu l-identità tagħna fuq livell internazzjonali.
Fl-aħħar mill-aħħar, il-Ġimgħa Mqaddsa ġġib magħha ħafna aspetti flimkien bħalma semmejt aktar ’il fuq. Hija ġimgħa mimlija memorji, emozzjonijiet u tradizzjonijiet li jorbtu lill-familji u lill-komunitajiet flimkien.
Is-sens ta’ rispett, qima u appartenenza li jinħass f’dan il-perjodu jibqa’ wieħed mill-aktar aspetti prezzjużi tal-wirt tagħna. B’hekk, irrid nirringrazzja lill-Għaqdiet u lis-Soċjetajiet li jtellgħu l-wirjiet u l-attivitajiet biex ikomplu jfissru din il-Ġimgħa mil-lenti tal-lum.
Aktar ’il fuq għamilt referenza għall-wirja ta’ arti u vari sagri bl-isem ta’ ‘Għotja’ li qed tkun esebita fi Triq it-Tliet Knejjes f’Ħal Balzan u li żżewwaq flimkien il-passat mal-preżent b’mod differenti minn kif nistennew.
Nagħlaq billi nawgura lilkom il-qarrejja kollha ta’ din il-paġna u lill-familja tagħkom l-Għid it-Tajjeb mimli mħabba u saħħa.

Dan l-artiklu deher f’InNazzjon tal-Erbgħa 1 ta’ April 2026